Ambjent Lokali

Tindif fil-Għargħur minn Stella Maris College Scout Group

Grupp ta’ madwar 30 scout minn Stella Maris College Scout Group, flimkien mal-Iscout Leaders tagħhom, dan l-aħħar wettqu xi xogħlijiet ta’ tindif fil-Għargħur, fiż-żona magħrufa aħjar bħala ‘Top of the World’. L-għan ta’ din l-attività kien li jkompli jitneħħa l-iskart u l-materjal li nġema’ matul is-snin.

Il-grupp neħħa wkoll xi speċi ta’ pjanti invażivi, li jistgħu jikkawżaw dannu ekoloġiku sinifikanti lill-flora fil-wied. Din kienet parti minn sforz kontinwu ta’ dan il-grupp biex jieħdu ħsieb l-ambjent filwaqt li joħloq kuxjenza fost it-tfal u ż-żgħażagħ li jattendu dan il-grupp dwar l-importanza li nieħdu ħsieb l-ambjent Malti.

Daniel Cuschieri, Assistant Group Scout Leader ta’ Stella Maris College Scout Group, qal li l-grupp jippromwovi l-protezzjoni u l-ħarsien tal-ambjent, għax huma jemmnu fil-prinċipju li kulħadd għandu jħalli d-dinja f’sitwazzjoni aħjar milli jsibha, għall-ġenerazzjonijiet futuri. “Aħna għamilna numru ta’ attivitajiet ta’ tindif f’dawn l-aħħar snin, u f’din l-aħħar sena biss aħna bħala grupp għamilna tliet sessjonijiet ta’ tindif. Matul dawn l-attivitajiet aħna neħħejna madwar sitt skipps ta’ imbarazz. Ċerti drabi użajna wkoll ħbula biex nixxabbtu u nkunu nistgħu nnaddfu partijiet mill-wied li l-aċċess għalihom huwa diffiċli.”

Barra minn dan, ser jitħawwlu numru ta’ siġar sabiex ikomplu jsebbħu din iż-żona. “S’issa ħawwilna madwar 200 siġra endemika f’din il-lokalità, li bosta minnhom għadhom ħajjin. Is-siġar ingħataw mill-grupp The Grow 10 Trees Project, inizjattiva ta’ grupp fuq Facebook li nbdiet minn Adrian u Nathan Gatt, li t-tnejn huma membri attivi fil-grupp tal-iscouts tagħna. Aħna qed innaddfu u nħejju din iż-żona fil-Għargħur bil-lest sabiex jitħawwlu dawn is-siġar, filwaqt li nneħħu l-ħmieġ u biċċiet kbar ta’ skart mill-wied stess. Dawn is-siġar se jitħawwlu fil-bidu tax-xitwa li ġejja,” kompla jgħid is-Sur Cuschieri.