Futbol Sport

Valletta jittamaw għal riżultat pożittiv fl-Ungerija

(Ritratt: Domenic Aquilina)

Valletta se jkunu qed ifittxu riżultat fil-Groupama Arena li jħallihom b’ċans li jikkwalifikaw għat-tielet rawnd fit-tieni logħba fis-Centenary Stadium. L-avversarji tagħhom huma meqjusa bħala l-favoriti f’dan id-dwell, anki għaliex Ferencvaros hu tim ta’ esperjenza fl-Ewropa u ġej minn kwalifikazzjoni kontra l-Bulgari Ludogorets.

Il-Beltin ġejjin minn kwalifikazzjoni kontra Dudelange tal-Lussemburgu, li l-istaġun li għadda lagħbu fil-gruppi tal-UEFA Europa League. Valletta deħlin għal dan il-konfront b’anqas pressjoni minn Ferencvaros iżda konxji li ma jistgħux jagħtu spazji żejda lill-Ungeriżi li għandhom biżżejjed kwalità biex jikkastigaw.

Il-kowċ Darren Abdilla se jerġa’ jkun mingħajr Jonathan Caruana, Bojan Kaljevic u Santiago Malano li huma kollha mweġġgħin filwaqt li l-assistent kowċ Gilbert Agius hu sospiż wara li tkeċċa lejn it-tmiem tal-aħħar konfront. Fl-iskwadra iżda hemm iż-żieda tal-aħħar akkwist tagħhom Yuri Messias u r-ritorn ta’ Rowen Muscat wara li kien sospiż kontra Dudelange, b’Abdilla mhux mistenni jagħmel tibdil fil-formazzjoni inizjali għajr l-inklużjoni ta’ Muscat mill-bidu.

Għal Ferencvaros din se tkun ir-raba’ esperjenza kontra avversarji Maltin f’kompetizzjonijiet Ewropej. Fl-istaġun 1972/73 kienu lagħbu kontra Floriana fit-Tazza tat-Tazzi b’Floriana jirbħu 1-0 fl-Empire Stadium b’gowl ta’ Louis Arpa filwaqt li Ferencvaros rebħu 6-0 f’pajjiżhom. Fl-istaġun 2003/04, Ferencvaros lagħbu kontra Birkirkara u kisbu żewġ rebħiet ta’ 1-0 u 5-0, biex ħames staġuni ilu fil-UEFA Europa League lagħbu kontra Sliema Wanderers, b’rebħa f’darhom ta’ 2-1 u draw ta’ 1-1 f’pajjiżna.