Lokali

“Opportunità li tkunu parti mill-bidla” – Adrian Delia

“L-opportunità, li minn Partit Nazzjonalista li qed jgħidu li ħa jmut irridu nġibuh Partit Nazzjonalista ġdid, żagħżugħ, ħaj, entużjast, mimli bil-passjoni ta’ tibdil mhux biss intern imma tibdi li jispira li kapaċi nbiddlu lill-oħrajn, inbiddlu lil pajjiżna. Jien dejjem ngħid, il-partit mhux jien, il-partit inthom – Kunu parti mill-bidla” – Adrian Delia

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, kien mistieden fil-programm Magħkom u waqt li kien intervistat minn Roberta Bonello, Adrian Delia tkellem dwar diversi temi fosthomil-futur tal-partit, il-ħidma tal-oppożizzjoni fil-Parlament u l-votazzjoni tas-Sibt li ġej, li tagħha llum beda l-early voting.

Il-Kap tal-PN kien mistoqsi dwar l-140 sena tal-partit u t-triq il-quddiem tiegħu fejn saħaq li rridu naċċertaw li l-partit ma jkunx 140 sena xiħ, iżda 140 żagħżugħ.

Adrian Delia tkellem ukoll dwar il-votazzjoni li bdiet fis-siegħat li għaddew u tkompli is-Sibt li ġej fejn irrigrazzja lil dawk kollha li diġa ġew jivvutaw u dawk li se jagħmlu dan fi tmiem il-ġimgħa.

Hu saħaq li l-ħidma tal-partit trid tibqa’ għaddejja b’mod normali u qal li din il-votazzjoni hija opportunità, biex jiġu aktar nies fid-Dar Ċentrali.

Adrian Delia li mhux qiegħed f’pożizzjoni li jiddefendi lilu nnifsu iżda li jiddefendi lill-partit u qies din u t-tiġdid tal-partit bħala l-unika preokupazzjoni tiegħu.

“Għandi entużjażmu aktar minn qatt qabel. Kul diffikultà nipprova ndawwarha f’opportunità” – qal Adrian Delia

Il-Kap tal-PN kompla qal li lest ikompli jisma lin-nies u jaħdem għall-ġid tal-partit fejn fakkar li 22 xhar m’humiex biżżejed biex wieħed jibdel mentalitajiet li ilhom hemm għal 140 sena.

“Il-PN irid jissaħħaħ, mhux Adrian Delia jibqa’ imma il-PN jissaħħaħ, għaliex wara Adrian Delia jiġi xi ħadd ieħor u dak ix-xi ħadd ieħor jgħaddi mill-istess sfida u nibqgħu sejrin hekk jekk inwelldu l-idea li kull darba li grupp żgħir ta’ nies ma jaqbilx mal-kap jitneħħa. Irid ikollna kap li jitlaq b’maġġoranza, b’mod demokratiku, b’elezzjoni trasparenti u f’dak il-mument li l-elezzjoni issir, irrelevanti mill-ammont tal-maġġoranza, kuħadd jimxi warajh – Dik hi d-demokrazija.”

Adrian Delia tkellem ukoll dwar il-ħidma Parlamentari li ma tieqaf qatt għaliex il-PN kien determinanti f’ħafna affarijiet fejn dejjem ra li dak li hu tal-poplu ma jittiħidx mill-ftit kawża ta’ deċiżjonijiet tal-Gvern

Hu saħaq fuq l-importanza li l-oppożizzjoni tkun maqgħuda, effiċċjenti, preparata u determinata biex dan jibqa’ jsir, xi ħaġa li bdiet u qed titkompla fejn jinsab kuntent li anke f’dan is-settur mixjin ‘il quddiem.