Lokali Qorti

“Aggressur m’għandux jitqies bħala vittma”

Raġel li ħebb għal Uffiċjal tal-Pulizija fil-Qorti aktar kmieni din il-ġimgħa qed jgħid illi irreaġixxa b’dan il-mod għaliex ma ngħatax it-trattament li kellu bżonn.

L-akkużat kien tressaq il-Qorti b’rabta ma’ vjolenza domestika, u sa mill-ħin tal-arrest kien qed jinsisti li m’għamel xejn ħażin, u ma riedx imur il-ħabs. Meta tressaq il-Qorti t-Tnejn, huwa akkuża lil missieru li huwa ‘bla qalb’, għaliex ried li ibnu jingħata l-għajnuna li kellu bżonn.

Quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud intqal li r-raġel ħebb għall-Ispettur Kylie Borg wara li ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest. Fil-Qorti llum, l-Ispettur Borg uriet ukoll tbenġil li għadhom jidhru fuq idha.

Iżda missier l-akkużat allega li l-aggressjoni bdiet fil-fatt mill-Ispettur Borg, hekk kif il-misser qal li din qabdet lil ibnu minn għonqu u ħabbtitu mal-ħajt.

Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat bil-kbir għal din l-allegazzjoni, bil-Maġistrat Mifsud jgħid li se jsegwi filmati mill-awla qabel ma jasal għall-konklużjoni. Hawnhekk żied jgħid illi li persuna tkun taħt l-influwenza ta’ xi sustanza mhux skuża valida f’dan il-każ.