It-tfal li jattendu SkolaSajf fl-Iskola Primarja tal-Mellieħa l-Erbgħa filgħodu kellhom attività edukattiva dwar il-ħarsien u l-protezzjoni tal-annimali.
Din l-attività, bit-tema “Biex Nipproteġu u Ngħinu lill-Annimali Bżonn”, ittellgħet mid-Direttorat tal-Ħarsien tal-Annimali flimkien mal-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi. Dan bil-għan li juru lit-tfal kif għandhom iħobbu l-annimali minn età tenera mhux sempliċiment bħala kumdità iżda bħala membru tal-familja.
Il-Kap tad-Direttorat, Noel Montebello, tana aktar tagħrif dwar din l-attività.
“Bl-attività fi SkolaSajf, inġegħlu t-tfal japprezzaw l-annimali billi jħobbuhom mhux għall-ftit, imma għal ħajjithom bħala membri tal-familja. L-uffiċjali tad-Direttorat se jagħmlu lit-tfal lezzjonijiet varji u ta’ prattika. Dan billi inġibulhom l-annimali u nuruhom kif għandhom jitrattawhom, bħall-bottle feeding. Din hija xi ħaġa li t-tfal se japprezzaw u b’hekk irabbu fihom il-valur tat-trattament xieraq tal-annimali.”
Din hija waħda mill-attivitajiet li se jsiru madwar it-13-il ċentru f’Malta u Għawdex għat-tfal li jattendu SkolaSajf.
Jacques Azzopardi, Child Support Worker fl-Iskola Primarja tal-Mellieħa, tkellem magħna dwar esperjenza li qasam mat-tfal f’din l-attività:
“Dakinhar ġejt l-iskola u sibna żewġ qtates frieħ f’magna ta’ karozza. Immedjatament ħadthom ġol-kamra tal-banju, imsaħtilhom għajnejhom imnifsejhom. Imbagħad ħadthom għand veterinarju u sussegwentament għand foster care grazzi għal omm qattus li aċċettathom.”
Zoe Vassallo, studenta tal-iSkolaSajf fil-Mellieħa, kellha appell speċjali għal kull min isib xi annimal, f’dan il-każ ferħ ta’ qattus, mitluf:
“Huwa d-dmir ta’ kull persuna li jagħti daqqa t’id meta jsib qattus abbandunat. Darba, jien u ommi rajna ferħ ta’ qattus kważi għal mejjet iżda rnexxielna nsalvawh billi ċempilna lid-direttorat tal-ħarsien tal-annimali u ntervjenaw f’waqtu.”
Id-Direttorat tenna l-appell ta’ Zoe biex iċemplu 1717 kull meta jaraw xi annimal mhux f’sikktu jew jiġru fit-toroq mingħajr is-sid sabiex l-ambulanza tal-annimali u l-uffiċjali jassistu lill-annimali u jittieħed l-Isptar tal-annimali f’Ta’ Qali.
//= $special ?>