Futbol Sport

Gżira United isofru telfa kbira fil-Latvja li kważi teliminahom

VENTSPILS………………………. 4 GŻIRA UNITED……………………………. 0

Ventspils: K. Machnovskiy, J. Alcenat, H. Monteiro, A. Mamah, G. Mchedlishvili, L. Villela, G. Phalavandishvili, J. Kazacoks (I. Stuglis 79’), A. Tosin, M. Sergiychuk (B. Aliev 89’), K. Svarups (P. Osipov 73’)

Gżira: J. Haber, Z. Scerri (E. Sakyi 80’), R. Soares, F. Barbosa, A. Oyama, G. Conti, A. Cohen, J. Corbalan, N. Muscat, H. Kone, J. de Assis

Imwissija: J. Corbalan 25’, J. de Assis 35’, R. Soares 64’, F. Barbosa 70’, N. Muscat 86’ (G), G. Mchedlishvili 31’, A. Tosin 88’ (V)

Skorjaw: K. Svarups 41’, H. Monteiro 50’, I. Stuglis 83’, A. Tosin 87’ (V)

Referee: Dimitar Meckarovski (Maċedonja)

Assistenti Referees: Dejan Nedelkoski (Maċedonja), Goce Petreski (Maċedonja)

Gżira United sofrew telfa kbira ta’ 4-0 kontra Ventspils fil-Latvja li għamlitha kważi impossibbli għalihom li jdawru r-riżultat f’pajjiżna ġimgħa ilu. Il-Maroons ikkrollaw mal-ewwel gowl u naqsu milli jwettqu reazzjoni denja.

Il-kowċ ta’ Gżira United Giovanni Tedesco għamel bidla biss mir-rebħa kontra Hajduk Split fl-aħħar konfront, b’Zach Scerri jirritorna mal-ewwel ħdax u beda flok Elvis Sakyi, b’Scerri jifforma parti mill-erba’ difensuri ta’ wara fuq il-lemin.

Fl-ewwel nofs siegħa tal-logħba, iż-żewġ timijiet ftit impenjaw lil xulxin b’Gżira jikkontrollaw lill-avversarji. Huma pruvaw bi freekick ta’ Hamed Kone wara kwarta li ma nkwadrax il-lasta. Ventspils wieġbu ħames minuti wara b’konklużjoni bit-takkuna ta’ Serhiichuk li kienet ċentrali u Justin Haber salva. Fid-29 minuta, Juan Corbalan prova b’xutt minn barra l-kaxxa li iżda kien dgħajjef u tkaxkar mal-art.

Ventspils fetħu l-iskor fil-41 minuta b’azzjoni fuq ix-xellug ta’ Aiyegun Tosin li tefa’ kross b’Kaspars Svarups joħroġ bejn id-difiża u antiċipa lil Justin Haber biex skorja b’xutt fis-saqaf tax-xibka. Gżira saħansitra kienu qrib li jsofru t-tieni gowl żewġ minuti wara b’Sergiychuk jaqbeż lil Fernando Barbosa u Arthur Oyama iżda minn quddiem Haber xeħet għoli.

It-tim mil-Latvja rdoppja fil-51 minuta meta minn free-kick, Kaspars Svarups xellef lejn Helio Montero li ma kellux diffikultà biex jegħleb lil Haber. Jevgenijs Kazacoks laqat il-lasta ftit minuti wara filwaqt li Justin Haber salva darbtejn fuq Phalavandishvili u Sergeychuk mas-siegħa logħob.

Gżira kellhom ċans li jiskorjaw gowl importanti fis-70 minuta meta Hamed Kone rċieva mingħand Gianmarco Conti, avvanza lejn ix-xellug u x-xutt tiegħu ġie salvat parzjalment minn Kostiantin Machnovskiy, bid-difiża tbiegħed il-periklu.

Fis-76 minuta, Justin Haber salva tentattiv ta’ Aiyegun Tosin iżda ma seta’ jagħmel xejn fit-83 minuta meta minn kross ta’ Lucas Villela sab lis-sostitut Stuglis Ingars li b’daqqa ta’ ras għeleb lil Haber u għamel l-iskor 3-0. Ventspils għalqu l-logħba bir-raba’ gowl fis-87 minuta b’Aiyegun Tosin jiskorja f’lasta vojta.