Futbol Sport

Idrissa Gueye mistenni jingħaqad ma’ PSG

Rapporti fil-media Ingliża qed jgħidu li Paris Saint-Germain laħqu ftehim ma’ Everton biex jakkwistaw lil Idrissa Gueye għas-somma ta’ ftit aktar minn €30 miljun. Il-midfielder mis-Senegal hu mistenni li jagħlaq dan it-trasferiment din il-ġimgħa u b’hekk itemm l-esperjenza ta’ tliet staġuni f’Goodison Park.

Everton kienu akkwistaw lill-midfielder mingħand Aston Villa f’Awwissu tal-2016 għal madwar €10 miljuni wara li Villa kienu relegati mill-Premier League. Il-plejer ta’ 29 sena lagħab 108 logħbiet ma’ Everton iżda f’Jannar li għadda kien wera x-xewqa li jħalli l-klabb.

Minkejja li kien talab li jkun trasferit, Everton kienu rrifjutaw l-offerta tal-bidu ta’ PSG ta’ madwar €25 miljun iżda issa jidher li se jimxu max-xewqa tiegħu. Everton għamlu tliet akkwisti sa issa b’Fabian Delph jingħaqad ma’ Jonas Lossl u Andre Gomes li ġew akkwistati kollha b’mod permanenti.

Everton jinsabu wkoll interessati f’Wilfried Zaha ta’ Crystal Palace minkejja li l-plejer jippreferi jingħaqad ma’ Arsenal, filwaqt li għadhom iridu lil Kurt Zouma wara li lagħab magħhom b’self l-istaġun li għadda.

Tags