Qorti

“Il-balla nifditni fuq wara”

Jixhed Mohammed Jallow fil-kawża ta’ Lassana Cisse fil-Qorti

Fil-Qorti, illum kompliet il-kumpilazzjoni fil-każ tal-qtil ta’ Lassana Cisse li tiegħu qed jkunu akkużati Francesco Fenech ta’ 21 sena u Lorin Scicluna ta’ 22 sena. It-tnejn huma suldati tal-Forzi Armati ta’ Malta u qed jiġu akkużati ukoll bl-attentat ta’ qtil ta’ persuni oħra f’Ħal Far lura fi Frar u f’April f’każijiet separati. Huwa maħsub li Fenech, li kellu armi rreġistrati fuqu, spara fuq il-vittma ta’ 42 sena waqt li Scicluna, li ma kellux armi rreġistrati, saq il-vettura.

Wara li ġimgħa ilu xehed Ibrahim Bah, vittma ta’ wieħed mill-attentati ta’ qtil, illum quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia qasam l-erperjenza tiegħu Mohammed Jallow li ħelisha ħafif dakinhar li nqatel Lassana Cisse. Jallow kien ġie Malta mill-Italja fl-2008 u preżentament qed jgħix f’Ħal Far.

Mohammed Jallow xehed fil-Qorti li sal-lum għadu jbati biex jagħmel il-bżonnijiet tiegħu wara li balla nifditu fuq wara u kif għadu jsoffri diversi riperkusssjonijiet mill-isparatura ta’ tliet xhur ilu.

Jallow qal li matul il-lejl tal-inċident, flimkien ma sieħbu, marru biex jaraw logħba tal-futbol f’Birzebbugia u meta kienu sejrin lura d-dar semgħu ħoss ta’ xi sparaturi. Ftit wara, ra dawl ġej minn warajh u sema’ żewġ sparaturi. Kien hawnekk li rrealizza kif kien ġara xi ħaġa lilu stess iżda ħabba d-dawl ma setax jgħid kemm kien nies fil-karozza. L-Avukat Arthur Azzopardi, u sussegwentament il-Maġistrat, fakkru li Jallow diġà xehed taħt ġurament, fis-7 ta’ April waqt li kien fl-isptar, pero Jallow qal li ma jiftakarx li ta xi evidenza oħra apparti dik li kien qed jagħti fil-qorti. Huwa lanqas seta’ jagħraf lil ħadd fl-Awla, la l-Ispettur Keith Arnaud, li qed imexxi l-prosekuzzjoni, u lanqas lill-Maġistrat Montebello, it-tnejn li tkellmu miegħu l-isptar.

Intant, wara li din l-analiżi ma saritx fl-inkjesta, se jiġi appuntat espert ballistiku mill-Olanda, peress li espert f’Malta m’hawnx, li jqabbel il-balal u l-iskrataċċ misjuba fuq il-posta ma’ dak misjuba fuq Lassana Cisse.

Fuq ordni tal-President ta’ Malta, George Vella, iż-żewġ suldati kienu ġew sospiżi mill-Forzi Armati filwaqt li għaddejja nkjesta interna.

Filwaqt li l-avukati Franco Debono, Kris Busietta u Julian Farrugia, Giannella DeMarco u Stephen Tonna Lowell dehru għall-akkużati, huma qed ikomplu jikkontestaw l-akkużi ta’ dak li hu maħsub li huwa l-ewwel qtil f’Malta b’motivazzjoni razzjali. L-avukat Arthur Azzopardi huwa l-avukat parti ċivil.

Il-kumpilazzjoni tal-evidenza ġiet aġġornata għall-Erbgħa 29 t’Awwissu.