Ambjent Lokali

Jitneħħew aktar siġar fost ir-rabja tar-residenti

Diversi residenti jinsabu urtati hekk kif tkompli l-kontroversja tat-tqaċċit tas-siġar, din id-darba fil-lokalità ta’ Santa Luċija.

Jidher li ammont ta’ ħaddiema sebħu fi ġnien żgħir li hemm f’dan ir-raħal fejn bdew ineħħu dawn is-siġar minn din iz-zona. Iżda sa issa għadu mhux magħruf jekk hux se jittieħdu f’lokalità oħra, jew sempliċiment se jinqerdu għal dejjem.

Jidher li x-xogħol qed isir biex titwessa t-triq ewlenija, b’riżultat li se jkunu qed jitneħħew ammont kbir ta’ siġar miz-zona.

Diversi residenti kkuntatjaw lil din il-kamra tal-aħbarijiet fejn saħqu li ma jistax ikun li jibqa’ jinqered l-ambjent qisu xejn mhu xejn. Fuq fommhom, din hi biss soluzzjoni temporanja bil-problema tat-traffiku se terġa’ tiżviluppa fis-snin jekk mhux fix-xhur li ġejjin.

Intant, nhar il-Ħadd li ġej se tkun qed issir protesta fiz-zona fejn jkun qed jaffetwa l-proġett ta’ Central Link; proġett li se jara qerda ta’ numru ta’ siġar u art verġni.

Ritratti: Matthew Tabone