Jorge Lorenzo mhux se jirritorna qabel il-Grand Prix tal-Gran Brittanja fil-25 ta’ Awwissu. Din l-aħbar kienet konfermat mit-tim tiegħu stess Honda li bi qbil ma’ Lorenzo ddeċidew li jipposponu r-ritorn tiegħu.
Il-ħames darbiet Champion tad-Dinja kiser sezzjoni mill-vertebra f’dahru meta waqa’ fis-seba’ kantuniera waqt l-ewwel sessjoni ta’ prattika fil-Grand Prix tal-Olanda fit-28 ta’ Ġunju li għadda. Wara li tilef il-Grand Prix tal-Ġermanja l-ġimgħa ta’ wara, it-Team Manager ta’ Honda Alberto Puig kien identifika Brno fil-bidu ta’ Awwissu bħala l-possibbiltà li jirritorna.
Filwaqt li l-kundizzjoni tas-sewwieq ta’ 32 sena tjiebet, stqarrija uffiċjali qalet li għadu ftit muġugħ u l-moviment tiegħu fuq mutur għadu restritt, b’Lorenzo jagħmel ukoll perjodu b’ilbies protettiv. L-istqarrija kompliet tgħid li tliet ġimgħat oħra mill-Moto GP se tgħin biex Lorenzo jkompli jirkupra u jevita aktar riskju ta’ injury.
Is-sewwieq Stefan Bradl se jkun is-sostitut ta’ Lorenzo fiċ-ċirkwit ta’ Brno fir-Repubblika Ċeka, l-istess kif għamel fiċ-ċirkwit ta’ Sachsenring fil-Ġermanja. Lorenzo ngħaqad ma’ Honda f’dan l-istaġun iżda sa issa kellu staġun diffiċli hekk kif minbarra li weġġa’, għad irid jispiċċa tellieqa mal-ewwel għaxra. L-aħjar riżultat tiegħu hu l-11-il post f’Le Mans u jinsab fis-16-il post fil-klassifika tas-sewwieqa.
//= $special ?>