Lokali

Joseph Muscat b’dikkjarazzjoni opposta mir-realtà

Proġett tal-Gvern li se jżid aktar toroq arterjali, se jitnaqqru aktar għelieqi, se jitneħħew numru kbir ta’ siġar, se tinbena bypass ġdida….iżda skont Joseph Muscat, il-proġett Central Link se jnaqqas l-emmissjonijiet.

Din id-dikjarazjoni saret mill-Prim Ministru l-Ħamis filgħodu meta kien mistoqsi mill-ġurnalisti dwar dan il-proġett kontroversjali…li dwaru saħansitra se ssir protesta nazzjonali nhar il-Ħadd li ġej.

Filwaqt li Muscat qed jgħid li se jonqsu l-emmissjonijiet, kulħadd jaf li dan il-proġett minnu nnifsu se jżid it-traffiku u l-moviment ta’ vetturi – b’konsegwenza li se jiżdied it-tniġġis fiz-zona ta’ Ħ’Attard u l-madwar. Dan apparti li minħabba l-proġett Central Link se jkollhom jitneħħew ammonti kbar ta’ siġar.

Fil-fatt, hu mifhum li l-proġett se jeqred 48,000 metru kwadru ta’ art agrikola u joqtol iktar minn 600 siġra. Intant, din il-kwistjoni tas-siġar kompliet ukoll f’dawn il-jiem b’aktar postijiet fejn qed naraw siġar jitneħħew għal kollox…fosthom f’Santa Luċija. Dan hekk kif residenti li jgħixu fl-inħawi huma urtati ferm għall-mod kif qed jitqattgħu z-zkuk ta’ dawn is-siġar sabiex jagħmlu wisgħa għal proġetti oħra ta’ toroq fl-inħawi.