Ħames mitt kunsillier xeħtu l-vot tagħhom fil-votazzjoni bikrija li saret l-Erbgħa waranofsinhar fid-Dar Ċentrali u fil-Kwartieri tal-Partit Nazzjonalista f’Ta’ Sannat Għawdex, b’rabta mal-Kunsill Ġenerali Straordinarju tas-Sibt li ġej.
Minn ċifri tal-Kummissjoni Elettorali mmexxija minn Francis Zammit Dimech, jirriżulta li 404 ivvotaw f’Malta u 96 ivvotaw f’Għawdex. Dan hu ftit iktar minn terz tal-1,496 votant eliġibbli.
Il-Kummissjoni Elettorali jirriżultalha ukoll li l-konkorrenza Għawdxija kienet waħda qawwija hekk kif iċ-ċifra ta’ dawk li vvutaw f’Ta’ Sannat, tqarreb ħafna n-numru ta’ kunsilliera Għawdxin li kienu eleġibbli jivvutaw.
Il-proċess, li qed isir taħt is-superviżjoni tal-Kummissjoni Elettorali mmexxija minn Francis Zammit Dimech, ġie deskritt bħala wieħed kalm u li tmexxa bl-aktar mod korrett. Dan sar b’koordinazzjoni tajba mal-persuni li jirrappreżentaw il-fehmiet differenti dwar il-mistoqsija li qed tiġi preżentata.
Il-Kunsill Ġenerali Straordinarju issejjaħ mill-Kap tal-PN Adrian Delia wara li kien hu stess li invoka Artiklu 30 tal-istatut. Anke d-domanda maqbula fl-Eżekuttiv hija dik li propona l-Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Il-kunsillieri qed jivvutaw IVE jew LE ghall-mistoqsija; “Trid li jkun Adrian Delia li jibqa’ jmexxi l-Partit Nazzjonalista sal-elezzjoni ġenerali li jmiss?”
Il-Kunsill Ġenerali Straordinarju jiftaħ is-Sibt fid-9.30 ta’ filgħodu u ssewgi l-votazzjoni fid-Dar Ċentrali f’Tal-Pietà bejn l-10 ta’ filgħodu u s-6 ta’ filgħaxija, bil-Kummissjoni tħejji aktar spazju biex il-kunsilliera jivvutaw. B’hekk jiġi garantit proċess mexxej u trankwill.
Huwa importanti li sabiex wieħed ikun jista’ jivvota, kemm jieħu dokument ta’ identifikazzjoni, preferibbilment il-karta tal-identità, la darba jkollu t-tessera għall-2019 imħallsa.
Il-Kunsillieri kellhom ċans sa l-Erbgħa f’nofsinhar biex iġeddu t-tessera u jħallsuha.
//= $special ?>