Il-problema tal-iskart f’Malta qed tikber, u l-infurzar mhux ikun effettiv. U huwa propju għalhekk li l-Kunsilli jridu multi aktar ħorox.
L-Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali (AKL) fi stqarrija nnutat li aktar m’hu qed ikun hemm kampanja ta’ edukazzjoni favur l-indafa pubblika aktar qed jidħlu rapporti ta’ skart li qed jintrema bl-addoċċ, inkluż fi spazji pubbliċi. Dan qed iwassal biex ikun detterent anki għas-saħħa pubblika.
L-Assoċjazzjoni ilha għal dawn l-aħħar ġimgħat tirċievi b’konsistenza għadd ta’ ilmenti mingħand residenti li huma urtati bl-istat tal-indafa pubblika fil-lokalita’ rispettiva tagħhom.
L-Assoċjazzjoni saħqet li l-ewwel diċenza għandha tiġi mill-pubbliku li ma jħammiġx.
L-appell tal-Assoċjazzjoni qed imur ukoll għall-istabbilimenti tal-ikel take away.
“Nemmnu li dawn għandhom jikkollaboraw mal-Kunsill Lokali rispettivi biex tinżamm l-indafa pubblika billi anki jkollhom bins fejn wieħed ikun jista’ jiddisponi mil-boroz u kaxxi tal-ikel minflok dawn jintremew mal-art. Nemmnu li s-settur kummerċjali għandu jagħti aktar sapport lill-Kunsill Lokali rispettivi minn fejn ikun qiegħed jopera. Dawn ghandu jkollhom il-kuntrattur taghhom sabiex jigbor l-iskart li jiġġeneraw huma u l-klijenti tagħhom u titlob li jkun hemm infurzar dwar dan mill-awtoritajiet kompetenti”.
L-Assoċjazzjoni qed tappella lir-residenti li lil kull minn jaraw jabbuża mis-sistema wieħed għandu jiġbed l-attenzjoni ta’ dak li jkun u anki jagħmel rapport mal-Awtoritajiet. Nemmnu li inutli wieħed jieħu r-ritratti u jxerridhom fuq il-midja soċjali la darba ma jkunx ġie żvelat minn għamel l-azzjoni u għaldaqstant jiġi imħarrek.
L-AKL qalet li din il-problema qed tkompli tikber ladarba l-infurzar naqas u jidher li m’għadux effettiv. Nemmnu li qabel ma jkun hemm infurzar effettiv m’aħniex ser naraw riżultati.
“B’dispjaċir ikollna ngħidu li l-unika soluzzjoni li fadal biex forsi naraw riżultati huwa li jkun hemm infurzar b’ saħħtu u li jingħataw multi ħorox għal min jinqabad jikser il-liġi. Multi li għandhom jitħalsu immedjatament fil-post biex anki nevitaw il-problema ta’ barranin li jilħqu jitilqu minn Malta sakemm taslilhom t-taħrika. Dan jigri barra minn xtutna u ma nifhmux ghalfejn l-istess mizura ma tistax tigi applikata f’pajjizna”.
L-AKL qed tappella lill-Gvern Ċentrali biex dawn il-miżuri jittieħdu bis-serjeta’ u jsir dak kollu possibbli biex il-Kunsilli Lokali jingħataw l-għodda meħtieġa biex ikunu jistgħu jinfurzaw. “Inutli li l-ilmenti jidħlu għand il-Kunsill Lokali jekk dan ftit li xejn għandu kontroll wisq anqas għodda biex jinforza. Mingħajr infurzar b’saħħtu qatt ma jista’ jkollna titjieb fl-indafa pubblika”.
//= $special ?>