IDiversi pajjiżi fil-Punent tal-Ewropa mill-ġdid qed jiffaċċjaw temperaturi tas-sħana ‘ta’ qilla storika’. Dan meta t-tieni heatwave kbir fi żmien xahar qed jilħaq il-massimu waqt li jinkisru r-rekords tas-sħana preċedenti.
Is-sitwazzjoni hi tant li l-awtoritajiet fit-Tramuntana ta’ Franza ħarġu l-ogħla livell ta’ twissija (‘red alert’) għall-pubbliku, meta l-belt kapitali ta’ Pariġi mistennija tara temperaturi ta’ 41 gradi Celsius. L-allert jgħodd b’mod partikulari għar-reġjun ta’ Pariġi u dsatax il-distrett ieħor.
Anki r-Renju Unit qed jistenna sħana ekwivalenti għal 39 gradi Celsius, bil-ferroviji f’dan il-pajjiż qegħdin jivvjaġġaw b’anqas veloċità mis-soltu biex jevitaw li l-binarji jċedu b’effett tas-sħana intensiva.
Dan meta l-bidliet fil-klima żiedu l-possibbiltà ta’ mewġiet tas-sħana aktar serji u frekwenti madwar l-Ewropa.
F’nofs il-ġimgħa, il-Belġju, il-Ġermanja u l-Olanda kienu diġà reġistraw l-ogħla temperaturi fl-istorja – b’39.9, 40.5 u 39.3 Gradi Celsius, rispettivament.
Intant, mistenni li s-sħana se żżid fuq dan il-livell – fost indikazzjonijiet li l-Olanda qed tirreġistra rekord ġdid ta’ 40 gradi Celsius fl-artijiet lejn ix-xlokk.
Fi Franza, l-uffiċjali wissew lin-nies biex jevitaw li jivvjaġġaw f’dawn il-kundizzjonijiet, bin-nurseries tal-iskejjel jibqgħu magħluqin. Ir-rapporti minn dan il-pajjiż qalu wkoll li talanqas ħames imwiet ‘setgħu kienu relatati għall-effetti tas-sħana fenomenali’ li qed tiddomina bħalissa. Inġibdu wkoll il-paraguni bejn il-kundizzjonijiet attwali u l-heatwave tal-2003 li kontribwixxa għal kważi 15,000 mewta fi Franza.
Rapporti mill-Ġermanja qalu li s-sħana rekord wasslet ukoll biex jonqsu l-livelli tal-ilma fix-xmajjar tal-pajjiż.
Dan meta f’nofs il-ġimgħa, ferrovija Eurostar li kienet qed tivvjaġġa mill-Belġju għal-Londra kellha tieqaf minħabba problemi dovuti għall-effetti tas-sħana, fost l-inkonvenjent enormi għall-passiġġieri.
L-effetti tas-sħana qegħdin iqajjmu tħassib madwar l-Ewropa li proprju x-xahar li għadda batiet l-effetti tal-aktar mewġa tas-sħana intensiva għal snin – u bir-riżultat li pajjiżi bħal Franza, ir-Repubblika Ċeka, is-Slovakkja, l-Awstrija, l-Andorra, il-Lussemburgu, il-Ġermanja u l-Polonja għaddew ‘mill-aktar xahar ta’ Ġunju sħun kemm ilhom jinżammu r-rekords’.
//= $special ?>