L-Unjoni Ewropea fetħet proċedura kontra l-Gvern rigward l-Environmental Impact Assesment hekk kif il-Kummissjoni Ewropea qed tappella lill-Gvern Malti sabiex jirranġaw u jtejbu r-regoli domestiċi.
Fosthom qed jisħqu li kien hemm xi ineżattezzi kif ġiet implimentata l-informazzjoni pubblika kif ukoll fir-rekwiżiti għall-konsultazzjoni fil-kuntest taL-proċedura tal-EIA. Dan filwaqt li ġie elenkat ukoll li kien hemm proviżjonijiet nazzjonali żbaljati tar-rekwiżiti dwar il-kontenut tal-kunsens għall-iżvilupp.
F’ittra formali, il-Kummissjoni tat xahrejn ċans lill-Gvern Malti għal kontra risposta għall-argumenti li qajmet. Jekk dan ma jsirx, il-Kummissjoni Ewropea tista’ tieħu deċiżjoni li tmur pass oltrè.
Fi stqarrija d-Direttur tal-NGO Friends of the Earth Malta, Martin Galea De Giovanni saħaq li din l-aħbar ma setgħetx ġiet fi żmien aħjar meta wieħed jikkunsidra s-sitwazzjoni preżenti tal-ippjanar f’pajjiżna.
Huwa appella lill-Gvern sabiex jagħmel din l-ittra pubblika sabiex it-talbiet tal-Unjoni Ewropea jsiru magħrufa ħalli jkun hawn it-trasparenza.