Ir-rebbieħ tas-sena l-oħra Geraint Thomas kompla jitbiegħed mill-possibbiltà li jirbaħ it-Tour de France għat-tieni sena konsekuttiva hekk kif niżel fit-tielet post fil-klassifika ġenerali. Minkejja dan, hu baqa’ minuta u 35 sekonda wara Julian Alaphilippe li baqa’ fuq quddiem.
Nairo Quintana rebaħ it-18-il stadju fil-muntanja lejn Valloire u jinsab fis-seba’ post fil-klassifika, għalkemm hu distakkat biex jirbaħ din l-edizzjoni. Il-Kolombjan attakka minn mal-grupp li kien fuq quddiem madwar seba’ kilometri mit-tmiem u kiseb rebħa komda.
Thomas inqata’ ftit minn ma’ Alaphilippe fl-aħħar telgħa iżda l-Franċiż irkupra fin-niżla. Sieħeb Thomas ma’ Team Ineos, Egan Bernal, tela’ fit-tieni post wara li l-Kolombjan attakka fl-aħħar fażi tal-istudju. Bernal żied ir-ritmu tiegħu wara ordni tat-tim, minħabba li Thomas ma seta’ jagħmel xejn aktar.
Quintana li beda l-ġurnata kważi 10 minuti bogħod minn Alaphilippe, inqata’ minn mal-grupp li kien ħarab kmieni fl-istadju. Hu laħaq il-quċċata madwar minuta u nofs qabel il-Franċiż Romain Bardet u żam il-vantaġġ fin-niżla ta’ 19-il kilometru lejn it-tmiem.
Il-vantaġġ ta’ Alaphilippe niżel b’ħames sekondi. Hu qed ifittex li jsir l-ewwel Franċiż li jirbaħ t-Tour de France minn Bernard Hinault fl-1985. Hu ħa l-kmand tat-tellieqa mit-tielet stadju, tilfu fis-sitt stadju u reġa’ kiseb il-vantaġġ fit-tmien stadju. Minn dakinhar hu b’sorpriża rebaħ it-13-il stadju li kien it-tellieqa individwali kontra l-ħin u baqa’ kompetittiv fil-muntanji fejn kien mistenni ibati.
L-istadju tal-bieraħ li kien l-ewwel minn tlett ijiem fl-Alpi, kien mistenni jkun eżami għaċ-ċiklist ta’ Deceuninck Quick-Step u minkejja li sabha diffiċli fil-quċċata tal-muntanja Galibier, irkupra bil-veloċità fin-niżla.
Iżda l-istadji 19 u 20 jintemmu t-tnejn fil-quċċata tal-muntanja. Iċ-ċiklist li jtemm l-20 stadju fil-quċċata jkun ir-rebbieħ ta’ din l-edizzjoni hekk kif teżisti tradizzjoni li ċ-ċiklist li jkun fil-quċċata fl-aħħar stadju f’Pariġi ma jkunx sfidat.
Kif spiċċaw it-18-il stadju: 1. Nairo Quintana (5:34.15), 2. Romain Bardet (+1.35), 3. Alexey Lutsenko (+2.28), 4. Lennard Kamna (+2.58), 5. Damiano Caruso (+3.00), 6. Tiesj Benoot (+4.46), 7. Michael Woods (+4.46), 8. Egan Bernal (+4.46), 9. Serge Pauwels (+4.46), 10. Steven Kruijswijk (+5.18)
Klassifika Ġenerali: 1. Julian Alaphilippe (75:18.49), 2. Egan Bernal (+1.30), 3. Geraint Thomas (+1.35), 4. Steven Kruijswijk (+1.47), 5. Thibaut Pinot (+1.50), 6. Emanuel Buchmann (+2.14), 7. Nairo Quintana (+3.54), 8. Mikel Landa (+4.54), 9. Rigoberto Uran (+5.33), 10. Alejandro Valverde +5.58)
//= $special ?>