Fl-ewwel diskors tiegħu fil-Parlament bħala l-Prim Ministru tar-Renju Unit, Boris Johnson wiegħed ‘bidu ta’ żmien tad-deheb ġdid’ fost impenn biex il-Gvern tiegħu jidħol ‘b’enerġija ġdida’ għan-negozjati mal-Unjoni Ewropea dwar il-Brexit.
Johnson, waqt id-diskors lid-deputati, anki aċċerta liċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea residenti fir-Renju Unit li huma se jkollhom ‘ċertezza assoluta mid-dritt tagħhom li jgħixu f’dan il-pajjiż’.
Meta, imbagħad, ittratta l-kunċett tal-Brexit, Johnson spjega li l-Ministru Michael Gove se jagħti ‘prijorità assoluta’ lir-responsabbiltajiet tiegħu għall-ippjanar tal-Brexit mingħajr ftehim.
Sadanittant – u minkejja enfasi fuq l-importanza li r-Renju Unit jipprepara għall-possibbiltà ta’ no-deal Brexit – Johnson qal li hu ‘jippreferi’ li pajjiżu jitlaq mill-Unjoni bi ftehim. Hu kompla li, fil-jiem li jmiss, se jistinka qatigħ biex jasal għal sitwazzjoni fejn il-partijiet ikkonċernati jistgħu jikkonfermaw ftehim għall-Brexit.
Madankollu, Boris Johnson għamilha ċara lid-deputati f’Londra li l-ftehim għall-Brexit li l-eks Prim Ministru Theresa May kienet innegozjat xhur ilu mal-UE ‘bl-ebda mod mhu aċċettabbli għall-House of Commons (ta’ Londra) u r-Renju Unit’.
Element kontroversjali tal-hekk imsejjaħ withdrawal agreement huwa l-backstop tal-Irlanda ta’ Fuq, bħala sistema li tevita xkiel għall-movimenti mill-fruntiera bejn l-Irlanda ta’ Fuq u r-Repubblika tal-Irlanda, li hi membru tal-UE. Johnson qal li arranġamenti oħrajn għall-backstop huma ‘perfettament kompatibbli’ mal-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira (Good Friday Agreement) li kien intlaħaq f’April tal-1998 għall-Irlanda ta’ Fuq.
Meta, imbagħad, tkellem dwar l-immigrazzjoni, Johnson qal lid-deputati li jrid li s-sistema tinbidel. Dan meta hu se jkun qed jitlob lill-Kumitat Konsultattiv dwar l-Immigrazzjoni biex jippreżenta proposti ġodda.
Boris Johnson anki indirizza lill-Kabinett tiegħu għall-ewwel darba bħala Prim Ministru. Hu qal lill-membri li huma għandhom ‘tragward storiku quddiemhom’ waqt li rrepeta l-impenn biex ir-Renju Unit joħroġ mill-UE fil-31 ta’ Ottubru ‘mingħajr l-ebda skużi’.
Johnson, fl-istess ħin, għamilha ċara li ‘it-Tmexxija tar-Renju Unit mhix se tistenna sal-aħħar ta’ Ottubru biex issegwi l-aġenda fantastika ġdida għall-pajjiż filwaqt li tirrealizza l-prijoritajiet tal-poplu’.
F’nofs il-ġimgħa, Johnson kien ikkonferma rwol importanti fil-Kabinett għal diversi deputati magħrufa bħala sostenituri tal-Brexit.
Fost dawn hemm Sajid Javid, eks Segretarju tal-Intern taħt Theresa May li issa ngħata d-dekasteru ta’ Kanċillier. Intant, protagonisti oħrajn fil-Kabinett se jkunu Dominic Raab, is-Segretarju l-ġdid għall-Affarijiet Barranin li kien għamel żmien responsabbli min-negozjati għall-Brexit u Priti Patel, li assumiet ir-rwol ta’ Segretarju tal-Intern (Home Secretary).
Aktar min-nofs tal-Kabinett antik ta’ Theresa May – fosthom l-eks Segretarju għall-Affarijiet Barranin (u r-rivali dirett ta’ Johnson), Jeremy Hunt – telqu inkella tkeċċew.
//= $special ?>