Sport Sport Ieħor

Swieqi Phoenix se jieħdu sehem fit-tieni l-akbar kompetizzjoni Ewropea tal-handball għall-ewwel darba

Iċ-champions lokali tal-handball Swieqi Yobetit Phoenix se jipparteċipaw fit-Tazza EHF f’Settembru, kompetizzjoni li hi t-tieni l-akbar kompetizzjoni importanti tal-handball fl-Ewropa. Din hi l-ewwel darba li tim Malti se jipparteċipa f’kompetizzjoni ta’ dan il-livell.

Fl-ewwel rawnd huma se jilagħbu kontra t-tim Kroat RK Dubrava minn Zagreb, bir-rebbieħ jilgħab kontra t-tim Portugiż Benfica li jidħlu fil-kompetizzjoni fit-tieni rawnd. Swieqi Phoenix jinsabu għaddejjin bil-preparazzjoni għal dan l-impenn doppju fis-7 u fit-8 ta’ Settembru, b’akkwisti wkoll ta’ plejers lokali u barranin. Huma akkwistaw lil Raoul Ciappara u Julian Spiteri mingħand Kavallieri HC u Aloysians HC rispettivament.

Fost il-plejers barranin li ġew akkwistati hemm tlieta minn timijiet tat-Tieni Diviżjoni tad-Danimarka. Dawn huma Steffan Smidt ta’ Novling IF, Kasper Markussen minn HRH Roslov u Casper Bugtrup mingħand AGF Handbold. Plejer ieħor li se jsaħħaħ it-tim hu Janko Radijovecic mit-Tieni Diviżjoni tas-Serbja RK Krugajevac.

Il-President ta’ Phoenix Sports Club Orlando Bonnici spjega li l-Kroazja huma pajjiż importanti fil-handball hekk kif fl-aħħar 15-il sena kienu champions tad-dinja kif ukoll rebbieħa fl-Olimpjadi. Bonnici jittama li jkollhom prestazzjoni tajba fiż-żewġ logħbiet u rringrazzja lil dawk kollha li qed jagħtu l-għajnuna fosthom SportMalta, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Handball u lil diversi sponsors li qed jgħinu biex jagħmlu din il-parteċipazzjoni possibbli.

Għal aktar informazzjoni dwar Swieqi Phoenix jistgħu jżuru l-paġna tagħhom fuq facebook jew jibagħtu email fuq info@psc.com.mt.