Futbol Sport

Tarabai jiffirma kuntratt ta’ sena ma’ Birkirkara

Birkirkara komplew iżidu l-iskwadra tagħhom hekk kif ħabbru l-akkwist ta’ Edison Luis dos Santos magħruf aħjar bħala Tarabai. L-attakkant Brażiljan ta’ 33 sena ffirma kuntratt ta’ sena b’għażla għal staġun ieħor.

Tarabai hu meqjus bħala wieħed mill-aqwa attakkanti li lagħbu f’pajjiżna fl-aħħar snin. Hu kien inġieb f’pajjiżna għall-ewwel darba minn Vittoriosa Stars u fl-istaġun 2010/11 skorja sitt gowls bil-Ġirbin ikunu relegati għall-Ewwel Diviżjoni. Fl-istaġun ta’ wara hu kien issieħeb ma’ Hibernians u fl-ewwel staġun tiegħu kien spiċċa fit-tieni post fil-klassifika tal-aqwa skorers b’total ta’ 21 gowl.

Mal-Pawlisti hu kellu esperjenza pożittiva bejn l-2011 u l-2016. L-aħjar snin tiegħu kienu fl-istaġuni 2013/14 u 2014/15 meta skorja 21 u 25 gowl rispettivament tant li spiċċa l-aqwa skorer ma’ plejers oħra fiż-żewġ kampjonati.

Bejn is-snin li għamel ma’ Hibernians hu kellu esperjenzi qosra ma’ Kecskemeti tal-Ungerija fl-ewwel parti tal-istaġun 2012/13 u ma’ Seoul E-Land fil-Korea ta’ Isfel fl-2015. Wara li ħalla pajjiżna, Tarabai rritorna ma’ Seoul E-Land qabel kompla l-karriera ma’ Al Batin u Al Raed FC fl-Arabja Sawdija.

Tarabai sar it-tmien akkwist ta’ Birkirkara f’dan is-suq tat-trasferimenti wara Enrico Pepe, Miguel Alba, Roderick Briffa, Isaac Ntow, Nicky Vella u Renato Goncalves de Lima u Yannick Yankam. Dan minbarra li Michael Mifsud reġa’ ffirma kuntratt ta’ sena u Luke Montebello kif ukoll Matthew Guillaumier ġeddew il-kuntratt tagħhom.