Il-Korea ta’ Fuq sparat żewġ missili għal fuq id-distanzi qosra li spiċċaw fil-baħar, bl-azzjoni, mill-ġdid, tqanqal it-tħassib anki jekk ma kienx ċar jekk l-eżerċizzju sarx taħt l-iskrutinju personali tal-Mexxej Korean komunista, Kim Jong-un.
L-awtoritajiet fil-Korea t’Isfel kienu l-ewwel li rrappurtaw dwar l-isparatura tal-missili minn sit fl-inħawi ta’ Wonsan ( mal-kosta tal-Korea ta’ Fuq lejn il-lvant) u li damu jtiru għal żmien sakemm niżlu fil-Baħar tal-Ġappun, magħruf ukoll bħala l-Baħar tal-Lvant.
Intant, u wara analiżi mill-uffiċjali sigrieti tal-Korea t’Isfel u l-Istati Uniti, ingħad li talanqas waħda mill-missili inkwistjoni ‘x’aktarx li kienet ta’ tip u disinn ġdid.
L-isparatura kienet anki l-ewwel waħda mill-Korea ta’ Fuq wara l-laqgħa sorpriża tax-xahar li għadda bejn Kim Jong-un u l-President tal-Istati Uniti, Donald Trump li kienet saret fiz-zona demilitarizzata li tissepara lill-Korej.
Sadanittant l-azzjoni mir-reġim ta’ Pyongyang seħħet wara li l-Koreani komunisti esprimew rabja dwar l-eżerċizzji militari konġunti li qed jippjanaw il-Korea t’Isfel u l-Istati Uniti u li huma avveniment annwali. Dan waqt li Pyongyang wissiet li l-eżerċizzji inkwistjoni kapaċi jaffettwaw ‘il-bidu ġdid potenzjali’ għat-taħditiet dwar id-denuklearizzazzjoni tal-peniżola Koreana.
L-Istati Uniti u l-Korea t’Isfel it-tnejn irrifjutaw li jikkanċellaw l-impenn militari konġunt, iżda mifhum li l-pajjiżi qablu rigward tnaqqis sinifikanti fl-eżerċizzji.
Il-Ministeru tad-Difiża tal-Ġappun qal, aktar tard illum, li l-ebda waħda mill-missili li sparaw il-Koreani komunisti ma laħqet l-ibħra Ġappuniżi. Dan waqt li l-azzjoni ‘ma ħallietx impatt immedjat għas-sigurtà tal-Ġappun’.
Min-naħa tagħha, il-Korea t’Isfel ħeġġet biex il-Korea komunista żżomm lura minn azzjonjiet bħal dawn li ‘żgur mhumiex se jgħinu biex tonqos it-tensjoni fil-peniżola u r-reġjun’.
//= $special ?>