Lokali

Il-UĦM tikseb ftehim settorjali importanti għall-ispiżjara

Il-UĦM Voice of the Workers iffirmat ftehim settorjali ġdid mal-Gvern li permezz tiegħu l-ispiżjara tal-Gvern se jkunu qed jingħataw ir-rikonoxximent mistħoqq għax-xogħol li jagħmlu.

Il-ftehim il-ġdid u li tant kien mistenni mill-istess spiżjara jiffoka ħafna fuq l-iżvilupp kontiwnu tal-professjoni tal-ispiżjara.

Filfatt, wieħed mill-għanijiet prinċipali ta’ dan il-ftehim huwa li l-ispiżjara mpjegati fid-dipartimenti tal-Gvern ikollhom aktar opportunitajiet li jkomplu fl-iżvilupp professjonali tagħhom. Dan ifisser li spiżjara ggradwati b’Baċellerat fil-Farmaċija ikollhom aktar opportunitajiet biex ikomplu jispeċċjalizzaw f’oqsma diversi tal-farmaċija.

Il-UĦM Voice of the Workers irnexxielha ukoll tikseb pakkett finanzjarju aħjar għal dawn l-ispiżjara, bil-għan ukoll li jkun ta’ inċentiv akbar għal dawk li qed jikkunsidraw li jidħlu għal din il-professjoni.

Josef Vella, Kap Eżekuttiv tal-UĦM qal li dan il-ftehim huwa biss il-bidu…u li l-Union għandha pjan ta’ azzjon fit-tul għal dak li hu aktar żviluppi f’dan il-qasam. In-negozjati  bejn il-UĦM u l-Gvern ma kienu faċ1i xejn, kif stqarr anke l-Ministru Chris Fearne innifsu …u t-taħditiet damu għaddejjin iktar minn sena.