Lokali Unjoni Ewropea

David Casa magħżul bħala n-Negozjatur Ewlieni tal-ESF+

L-MEP tal-Partit Nazzjonalista David Casa

Il-Membru Parlamentari Ewropew f’isem il-Partit Nazzjonalista David Casa intagħżel bħala n-Negozjatur Ewlieni fil-European Social Fund + (ESF+).

Meta ngħata din il-kariga, Casa qal li jinsab onorat li ngħata l-fiduċja għal dan ir-rwol importanti. L-ESF+ hu għodda b’implikazzjonijiet qawwija u li jwassal għal riżultati li jħallu impatt pożittiv fil-ħajja taċ-ċittadini Ewropej. “Ninsab fiduċjuż li nista’ nikkontribwixxi fit-titjib tal-mod kif jintuża’ dan il-fond”, tenna Casa.

Ta’ kull sena, l-ESF+ jgħin lil miljuni ta’ Ewropej itejbu ħajjithom billi jitgħallmu ħiliet ġodda u jsibu impjiegi aħjar. Hu stmat li b’dan il-fond, 10 miljun persuna jsibu impjieg aħjar kull sena jew itejbu il-ħiliet tagħhom.

L-ESF+ hu l-għodda ewlenija tal-Unjoni Ewropea biex titmexxa l-idea tal-impjiegi u l-inklużjoni soċjali bejn dawk impjegati u bla impjieg, żgħażagħ jew adulti. Dan hu importanti għal għadd ta’ fatturi. Fuq kollox tnaqqas il-konsegwenzi ta’ kriżi ekonomika, partikolarment meta jiżdied il-qgħad u l-faqar.