Wara li fl-aħħar snin kien hemm ċaqliq fit-tnaqqis tal-parametri, issa jidher li wasal il-mument deċiżiv biex din is-sistema titneħħa darba għal dejjem hekk kif il-FIFA ordnat lill-MFA biex tneħħi l-parametri. Is-sistema preżenti tirrikjedi li titħallas somma tat-trasferiment biex plejers ikunu jistgħu jirreġistraw ma’ klabb ġdid wara li jkun spiċċa l-kuntratt tal-plejer. Dan jgħodd anki f’każ ta’ plejers dilettanti.
Din is-sistema kienet tneħħiet mill-bqija tad-dinja permezz tal-każ magħruf ta’ Bosman, bil-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tiddeċiedi li s-sistema xxekkel id-dritt li plejer jiċċaqlaq b’mod liberu. Il-FIFA kienet bidlet ir-regoli iżda 18-il sena wara l-futbol Malti kien għadu b’din is-sistema.
Strumentali f’din id-deċiżjoni kienet l-MFPA li bdiet hi l-ġlieda biex jitneħħew il-parametri f’pajjiżna. F’ittra li bagħtet lill-MFA, il-FIFA qalet li ż-żamma tal-parametri tmur kontra l-prinċipji tagħha. L-ogħla assoċjazzjoni tal-futbol qalet li l-bidla trid isseħħ biex jiġu konformi mal-bqija tad-dinja.
Fi stqarrija b’reazzjoni, l-MFPA esprimiet is-sodisfazzjon ta’ din ir-regola. L-assoċjazzjoni qalet li għalkemm ma għandhomx vot fil-Kunsill tal-MFA, l-MFPA qegħda kontinwament tixpruna bidla fil-futbol Malti. “Ix-xogħol tal-union tal-plejers mhux faċli. Spiss niġu ostakolati b’ħajt imma nibqgħu nippersistu sakemm il-ħajt fl-aħħar jinkiser,” temmet tgħid l-istqarrija.
//= $special ?>