Ewropa Lokali Unjoni Ewropea

Il-Kamra tal-Kummerċ imħassba dwar l-isem ħażin lil Malta fir-Rapport Moneyval

Il-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija qed issegwi b’interess l-aħħar żviluppi li qed jirriżultaw wara l-ħruġ tar-Rapport Moneyval, kif ukoll in-nuqqas ta’ miżuri minn Malta kontra l-ħasil tal-flus. Dan b’impatt negattiv dirett fuq is-settur finanzjarju, li l-ekonomija Maltija tiddependi tant fuqu.

Fi stqarrija, il-Kamra qalet li għalkemm l-informazzjoni għadha mhix uffiċjali u hi għad m’għandhiex aċċess għaliha, tħoss li għandha tinnota xi punti, fost l-oħrajn kif f’pajjiżna, irridu naraw li nkunu pass ‘il quddiem quddiem din l-isfida internazzjonali.

Il-Kamra kompliet li dawn il-perċezzjonijiet qed ikunu ta’ piż fuq l-investiment dirett barrani u għaldaqstant, hu importanti li jkunu indirizzati l-kwistjonijiet imsemmija f’dan ir-rapport. Fid-dawl ta’ dan, il-Kamra qed tħejji Viżjoni Ekonomika għal Malta għal wara l-2020, fost l-oħrajn wara li tirċievi l-kummenti tal-esperti.

Kif għamlet fil-passat, il-Kamra qalet li se tkompli toffri l-appoġġ komplut tagħha biex din is-sitwazzjoni tkun indirizzata bl-aħjar mod għall-membri tagħha u għall-ekonomija tal-pajjiż.