Internazzjonali

Il-Palestinjani jirtiraw mill-ftehim ma’ Iżrael

Il-President Palestinjan Mahmoud Abbas qal li l-Palestinjani mhumiex se jkomplu jirrispettaw il-ftehim preċedenti li ntlaħqu ma’ Iżrael. L-aħbar ħarġet wara laqgħa ta’ emerġenza dovuta għall-qerda, mill-Iżraeljani, ta’ bini għall-Palestinjani li, skont Iżrael, kienu mibnija illegalment lejn il-limiti ta’ Ġerusalemm.

Il-ftehim iffirmat tul l-aħħar 25 sena bejn Iżrael u l-Palestinjani jkopru diversi oqsma ta’ attività, fosthom il-kooperazzjoni fis-sigurtà.

Iżrael, għalissa, ma rreaġiex għall-aħħar passi mill-Palestinjani.

Mahmoud Abbas qal, issa, li se jkun iffurmat kumitat biex ifassal strateġija għall-implimentazzjoni tad-deċiżjoni  rigward il-ftehim ma’ Iżrael.

It-tensjoni bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani kompliet tiggrava fl-aħħar jiem u wara li l-Iżraeljani waqgħu l-imsemmija bini fl-inħawi ta’ Wadi Hummus. Il-Qorti Għolja ta’ Iżrael qalet li l-bini kienu mibnija viċin wisq tal-ħajt tas-sigurtà max-Xatt tal-Punent.

L-azzjonijiet ta’ Iżrael – li ħallew mas-17-il Palestinjan mingħajr dar – qajjmu għadab internazzjonali, b’Mahmoud Abbas qed iwaħħal fl-Iżraeljani għal s-sitwazzjoni attwali fost akkużi li ‘kienu huma ( l-Iżraeljani) li marru lura mill-ftehim’.