Fl-aħħar għaxart ijiem inqatlu talanqas 100 ċivili – inklużi 26 tfal – fost l-attakki mill-qawwiet tal-ajru tal-Gvern Sirjan u l-alleati tiegħu li konċentraw fuq l-iskejjel, l-isptarijiet u s-swieq f’zona partikulari tal-pajjiż.
Dan qalitu Michelle Bachelet, il-kap tad-drittijiet umani tan-Nazzjonijiet Uniti, li sostniet li ‘jidher ferm improbabbli li ċ-ċivili setgħu nqatlu bi żball ladarba wieħed jevalwa l-persistenza tal-attakki’.
Bachelet, fl-istess ħin, ilmentat dwar ‘l-indifferenza tal-entitajiet internazzjonali fil-konfront taż-żieda ta’ ċivili mejtin fis-Sirja’.
Il-Gvern tal-President Sirjan Bashar al-Assad, f’April, kien beda l-offensiva fuq iz-zona kontrollata mir-ribelli – li tinkludi l-belt ta’ Idlib u l-madwar — fil-majjistral tas-Sirja.
Iz-zona hi l-aħħar waħda ‘ta’ oppożizzjoni attiva’ u l-Gvern Sirjan qal li qed iwieġeb ‘għall-ksur tal-kundizzjonijiet (mir-ribelli) ta’ ftehim preċedenti għall-waqfien mill-ġlied’.
//= $special ?>