Internazzjonali Lokali

AĠĠORNATA: Jegħrqu madwar 150 immigrant barra l-Libja

Madwar 150 immigrant irregolari huma maħsuba li mietu lbieraħ waqt il-vjaġġ fil-Mediterran li suppost kellu jtejjeb ħajjithom. Fost dawn kien hemm għadd ta’ nisa u tfal, li kienu fost grupp ta’ 300 immigrant abbord dgħajjes li nqelbu f’nofs ta’ baħar ‘il barra mil-Libja.

Kelliem għall-Aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (UNHCR) qal li din it-traġedja qed titqies bħala l-agħar waħda fil-Mediterran għal din is-sena. Min-naħa tiegħu, il-Kumitat ta’ Salvataġġ Internazzjonali qal li dan il-każ hu allarm ieħor li jerġa’ jfakkar fil-kriżi umanitarja dejjem tikber u fil-ħtieġa li jitkomplew il-missjonijiet ta’ tiftix u salvaġġ fil-Mediterran.

Kelliem għall-Gwardja tal-Kosta Libjana spjega li ż-żewġ dgħajjes kienu qed iġorru madwar 300 immigrant qabel ma nqelbu madwar 120km fil-lvant tal-kapitali Libjana Tripli. Minn dawn, s’issa kienu salvati biss 137, li ttieħdu lura lejn il-Libja. Madankollu, s’issa nstab biss katavru wieħed fil-baħar.

Min-naħa tiegħu, kelliem għall-UNHCR qal li s-salvati kienu 147, filwaqt li kompla li l-aġenzija tistma li din is-sena, wieħed minn kull sitt persuni mietu fi triqthom bejn il-Libja u l-Ewropa.

F’Jannar, madwar 117 mietu jew ma nstabux wara inċident simili barra l-kosta Libjana. U f’każ ieħor f’Mejju, madwar 65 persuna spiċċaw mgħarrqa wara li għerqet id-dgħajsa li kienu fuqha barra l-kosta Tuneżina.