Internazzjonali

L-Awstrija: Direttiva għall-arrest ta’ uffiċjal Russu f’każ ta’ spjunaġġ

L-awtoritajiet Awstrijaċi ħarġu mandat ta’ arrest għal uffiċjal militari Russu li jingħad li rrekulta kurunell tal-Armata tal-Awstrija biex, allegatament, iservi bħala spjun tar-Russja għal 30 sena.

Il-pulizija f’Salzburg qalu li ħarġu mandati ta’ arrest fuq livell Ewropew u internazzjonali għall-uffiċjal Russu, identifikat bħala Igor Egorovich Zaytsev li għandu 65 sena. Zaytsev hu suspettat li ‘mexxa lill-kurunell fl-attivitajiet ta’ spjunaġġ’ bejn is-snin disgħin u s-sena li għaddiet, meta dan il-kurunell kien spiċċa arrestat.

Stqarrija tal-pulizija qalet li l-uffiċjal Russu hu suspettat li ‘ipperswada lill-kurunell irtirat tal-Armata Awstrijaka biex jidħol għal ħidma sigrieta li kienet tmur kontra l-interessi ta’ pajjiżu.’ Ingħad ukoll li l-kurunell ta’ 70 sena, fost oħrajn, spiċċa jikxef is-sigrieti tal-Istat minbarra li provda s-sigrieti militari lir-Russja.

Il-pulizija tallega li l-kurunell kien daħħal mijiet tal-eluf ta’ ewro f’pagamenti għall-informazzjoni tiegħu li kienet tinkludi dettalji komprensivi dwar il-qawwiet armati u s-sistemi tal-armi tal-Awstrija.

Is-sena l-oħra, il-Ministru Awstrijak tad-Difiża, Mario Kunasek, qal li l-każ tas-spjunaġġ kien ġie żvelat grazzi għall-għajnuna minn aġenzija sigrieta oħra fl-Ewropa.

L-istampa fl-Awstrija rappurtat li l-kurunell kien professjonali ħafna fil-ħidma ta’ spjunaġġ u li kien jaħdem fiċ-ċentru tal-kontroll tal-Armata f’Salzburg – fejn żamm il-kuntatti mal-uffiċjal Russu inkwistjoni permezz ta’ tagħmir sosfistikat.