Sport Waterpolo

Matthew Zammit se jkompli l-karriera fl-ogħla diviżjoni Taljana

(Ritratt: Trevor Sollars)

Il-plejer ta’ San Ġiljan Matthew Zammit se jkompli l-karriera tiegħu barra minn Malta hekk kif laħaq ftehim ma’ Telimar Palermo biex kif jispiċċa l-kampjonat Malti, imur jilgħab magħhom l-istaġun li ġej. Għal Zammit din mhux se tkun l-ewwel esperjenza tiegħu wara li għaxar snin kien lagħab ma’ RN Imperia.

Telimar Palermo għadhom kif kisbu l-promozzjoni biex l-istaġun li ġej jilagħbu fl-ogħla diviżjoni Taljana. Huma kisbu l-promozzjoni wara nuqqas ta’ 14-il sena b’rebħa fit-tieni logħba tal-finali kontra Rari Nantes Camogli.

Il-plejer ta’ 31 sena hu kkunsidrat fost l-aqwa talenti tal-waterpolo lokali fil-preżent. Zammit magħruf aħjar bħala x-Xellugi, hu plejer importanti fit-tim immexxi minn Karl Izzo u kien parti mit-tim nazzjonali li lagħab fl-aħħar żewġ edizzjonijiet tal-Kampjonat Ewropew fl-2016 f’Belgrad u s-sena l-oħra f’Barcelona.

Fl-aħħar snin hu kien strumentali biex San Ġiljan kisbu diversi suċċessi. Fl-aħħar erba’ snin, Zammit rebaħ darbtejn il-Kampjonat tas-Sajf, erba’ darbiet konsekuttivi n-knock-out, tliet darbiet konsekuttivi l-Kampjonat tax-Xitwa, tliet darbiet konsekuttivi t-Tazza tal-President u ż-żewġ edizzjonijiet tal-Enemed Cup.

Zammit kapaċi jilgħab tajjeb fis-centre kif ukoll fuq in-naħa leminija u mill-2012 skorja 193 gowl fil-Kampjonat tas-Sajf. L-aħjar staġun tiegħu f’termini ta’ gowls kien fl-istaġun li għadda meta skorja 36 gowl.