Lokali

Minn Kap tal-Aħbarijiet ta’ ONE News għal TVM News

Fil-jiem li ġejjin, il-kap tal-aħbarijiet tal-media tal-Partit Laburista, Owen Galea mistenni jħalli ONE News u jerġa’ jmur fil-kamra tal-aħbarijiet tal-istazzjon nazzjonali TVM bħala ‘web manager’ biex jikkontrolla u jmexxi l-kontenut kollu fuq il-website propogandistika u sensazzjonali ta’ TVM.

Il-pjan tat-tmexxija tal-PBS u Kastilja hu li fi żmien sena oħra, Owen Galea jieħu post Reno Bugeja bħala Kap tal-Aħbarijiet tal-PBS. Bugeja, li kien innegozja pakkett finanzjarju ta’ madwar €70,000 fis-sena kellu jirtira mill-PBS f’dawn il-jiem, iżda jidher li ntalab minn Kastilja biex jibqa’ sena oħra sakemm ikun aċċertat li jinstab persuna oħra tal-qalba li jkompli jikkontrolla l-aħbarijiet kollha li jixxandru fuq TVM, tvm.com.mt, Radju Malta u Magic Malta.

Ġurnalisti mill-media Laburista qalulna li jinsabu sodisfatti ħafna li Owen Galea se jħalli ONE News minħabba li l-istil ta’ tmexxija tiegħu gerrex u urta ħafna ħaddiema. Fl-aħħar xahrejn madwar ħames ġurnalisti mill-kamra tal-aħbarijiet tal-media Laburista rriżenjaw.

Ftit tax-xhur ilu Owen Galea inħatar ukoll fil-bord tad-disinji tal-bolol ma’ Norma Saliba, Clint Bajada u Clifford Galea.