Sport Waterpolo

Neptunes b’konfront delikat kontra Marsaxlokk

(Ritratt: Martin Agius)

Iċ-champions Neptunes Leo Vegas jibdew favoriti li jkomplu l-mument pożittiv tagħhom iżda jridu joqogħodu attenti għaliex l-avversarji tagħhom huma Marsaxlokk Brown’s Pharma. F’ħamest ijiem, Neptunes kisbu rebħiet konsekuttivi kontra Sliema u darbtejn kontra San Ġiljan (waħda minnhom fin-knock-out) u t-Tlieta rebħu wkoll kontra Exiles, logħbiet li urew is-saħħa ta’ tim bħal Neptunes.

Marsaxlokk qed jirbħu r-rispett ta’ ħafna nies hekk kif mhux biss irnexxielhom jgħaddu għall-Kampjonat Premier iżda qed ikollhom prestazzjonijiet pożittivi u qed jagħtu logħba lil kulħadd. Każ klassiku hu l-aħħar logħba kontra Sirens hekk kif ix-Xlukkajri baqgħu jissieltu li jirbħu l-logħba sal-aħħar u kien biss fl-aħħar żewġ minuti li Sirens aċċertaw mir-rebħa. Is-saħħa prinċipali tagħhom tiddependi fuq iż-żewġ barranin Andrija Vlahovic u Ivan Nagaev, bil-kowċ Joe Cremona jkun għaqli biżżejjed li juża s-saħħa tat-tim fuq dawn iż-żewġ plejers.

Intant mill-Ewwel Diviżjoni, Birżebbuġa Freeport jibdew favoriti li jegħlbu lil Ta’ Xbiex Amigos. Birżebbuġa ma kinux fl-azzjoni aktar kmieni fil-ġimgħa u dawn il-jiem ta’ mistrieħ jistgħu jkunu ta’ benefiċċju għalihom. Ta’ Xbiex fuq in-naħa l-oħra jibqgħu bbażat fuq iż-żgħażagħ iżda forsi l-barranin Nenad Kacar u speċjalment Niccolo Gitto jistgħu jagħtu ftit aktar lit-tim.

Logħob li jmiss

Kampjonat Premier

Illum: Neptunes v Marsaxlokk 7.30pm

Għada: San Ġiljan v Exiles 6.00pm, Sirens v Sliema 7.15pm

Kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni

Illum: Birżebbuġa v Ta’ Xbiex 6.15pm

Għada: Valletta v Otters 4.45pm