It-tmexxija komunista tal-Korea ta’ Fuq qalet li l-provi, nhar il-Ħamis, ta’ żewġ missili ġodda servew bħala ‘twissija solenni lill-elementi fil-Korea t’Isfel li qegħdin ixewwxu għall-gwerra’.
Il-missili, għal fuq distanzi qosra, kienu sparati għal ġol-Baħar tal-Ġappun mill-inħawi ta’ Wonsan, mal-kosta lejn il-lvant tal-Korea ta’ Fuq.
Sadanittant, il-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq, Kim Jong-un, qal li pajjiżu kien imġiegħel jiżviluppa l-armi ‘biex jelimina t-theddid potenzjali u diretti’. Hu kompla li l-aħħar provi tal-missili kienu jinvolvu sistema ġdida għall-gwida tal-armamenti tattiċi.
Kim Jong-un qal ukoll li kien ‘sodisfatt’ bl-effiċjenza tas-sistema tal-armi ġdida u li ‘mhux se jkun faċli għall-avversarji biex jiddefendu lilhom infushom kontra din is-sistema’. Kien ukoll sinifikanti l-kumment ta’ Kim li ‘il-Korea t’Isfel mgħandhiex tiżbalja b’li tinjora din it-twissija’.
Il-kummenti ta’ Kim ingħataw wara li l-Korea ta’ Fuq ikkritikat id-deċiżjoni tal-Korea t’Isfel u l-Istati Uniti biex, fil-jiem li ġejjin, jissieħbu f’eżerċizzji militari konġunti.
Ir-reġim komunista fi Pyongyang ilu jqis dawn it-tipi ta’ eżerċizzji bħala ‘tħejjija għall-invażjoni tal-Korea ta’ Fuq’ u l-livell tas-suspett ma naqasx minkejja li l-Istati Uniti u l-Korea t’Isfel iddeċidew biex inaqqsu sew il-livell tal-eżerċizzji li jmiss.
Il-Korea t’Isfel qed tkompli tħeġġeġ lil Pyongyang biex ma jkomplix bl-azzjonijiet li qed iżommu t-tensjoni għolja waqt li sostniet li l-provi tal-missili mill-Koreani komunisti jimponu theddida militari.
//= $special ?>