Sport Sport Ieħor

Robertson eliminat mingħajr ma lagħab mill-Masters ta’ Riga

Neil Robertson kien eliminat mill-Masters ta’ Riga mingħajr ma lagħab kolp, kawża ta’ dewmien fit-titjiriet li ħarbtu l-iskeda fl-ewwel ġurnata tal-istaġun tas-snooker. L-Awstraljan li kien se jiddefendi t-titlu mirbuħ is-sena l-oħra, kien mistenni jilgħab kontra Robert Milkins iżda t-tnejn li huma kienu assenti biex Ben Woollaston għadda awtomatikament għat-tieni rawnd.

Fuq twitter, Robertson kiteb li l-World Snooker ma kinitx se tibdel il-ħinijiet tal-logħba u għalhekk ma setax jiddefendi t-titlu tal-Masters ta’ Riga. Hu qal li kawża ta’ debris fir-runway, it-titjira kienet posposta għal ftit sigħat u wara kien hemm il-maltemp biex l-għada filgħodu ma kienx hemm titjiriet.

Is-sid numru tmienja tad-dinja Kyren Wilson kien fost il-plejers l-oħra li kienu sfurzati li jirtiraw, b’Harvey Chandler, Jamie O’Neill, Duane Jones, Louis Heathcote u Joe O’Connor ukoll affettwati.

Fi stqarrija, il-World Snooker ikkonfermat li kien hemm titjira kkanċellata mill-ajruport ta’ Luton il-Ħamis filgħaxija. Huma qalu li għamlu dak kollu li setgħu biex stabilixxew liema plejers kellhom il-ħsieb li jirtiraw mill-kompetizzjoni u għamlu kuntatt magħhom kollha.

Huma qalu li fejn hemm plejers li rtiraw, l-avversarju tagħhom jgħaddi awtomatikament. Il-World Snooker qalet li tirrealizza d-diżappunt tal-partitarji iżda jittamaw li xorta jkun avveniment fantastiku f’Riga.

Tags