Lokali

Tikber ir-rabja għall-proġett ta’ Ian Borg

Il-proġett Central Link ħoloq l-akbar kontroversja fl-aħħar ġimgħa, l-aktar hekk kif mal-approvazzjoni tiegħu sar magħruf li se jkunu qed jitqaċċtu 549 siġra mit-toroq, iżda dan hu biss parti żgħira mill-ħerba ambjentali li mistenni jħalli dan il-proġett.

Fil-fatt kemm il-Gvern, kif ukoll l-Awtorità tal-Ippjanar naqsu milli jitkellmu dwar in-numru ta’ siġar tal-frott li se jispiċċaw taħt il-mannara u li x’aktarx huma mijiet, li jfisser li fil-verità in-numru ta’ siġar li se jispiċċaw minħabba dan il-proġett jilħqu madwar elf.  

Madankollu, jidher li din ir-realtà għadha ma waslitx għand il-Ministru Ian Borg.

Staqsejna lill-Ministru Ian Borg dwar in-numru preċiż ta’ siġar li se jitqaċċtu, iżda hu rreferiena għad-dokument li ħarġet l-ERA – dokument li jelenka l-549 siġra u l-50,000 metru kwadru ta’ art verġni.

Meta mbagħad kkwotajna dak li qal il-Professur Scerri, espert tal-kanċer, il-Ministru qalilna li dan l-espert tkellem hekk għax joqgħod qrib il-proġett.

Intant, il-media soċjali fl-aħħar jiem kienet miżgħuda posts u kummenti ta’ mijiet ta’ persuni li jinsabu rrabbjati ferm dwar dak li qed jiġri fil-pajjiż fejn jidhol tqaċċit ta’ siġar, u l-Ħadd li ġej, mijiet ta’ persuni mistennija jiltaqgħu fiz-zona tas-Central Link fejn se jitqaċċtu s-siġar sabiex jintrabtu magħhom b’mod simboliku, bi protesta għall-qerda tagħhom.