Lokali

“Twelidt u ħdimt fil-PN u se nibqa’ nagħti l-enerġija kollha tiegħi lill-partit” – Adrian Delia

“Jiena twelidt fil-Partit Nazzjonalista, kbirt, ħdimt u qed immexxi l-partit u se nibqa’ nagħti l-enerġija kollha tiegħi lill-Partit Nazzjonalista li tant inħobb.”

Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta indirizza l-Kunsill Ġenerali straordinarju tal-partit, u kkwota minn diskors li huwa kien għamel meta indirizza Kunsill Ġenerali tal-partit 33 sena ilu meta kien rappreżentant tal-MŻPN.

Adrian Delia qal li matul dawn l-aħħar ġimgħat iltaqa’ u tkellem ma’ bosta Kunsillieri tal-partit, li ddeskrivihom bħala r-ruħ tal-Partit Nazzjonalista, li jemmnu u jħobbu lill-partit. Huwa qal li se jżomm il-PN magħqud kif talbuh il-Kunsillieri u wiegħed li se jibqa’ jitkellem ma’ kull persuna li tkun trid titkellem mal-Kap tal-partit.

Hu qal li d-demokrazija vera tfisser li tisma’, tiddiskuti u meta niddeċiedu nimxu ‘l quddiem. Huwa qal li sejjaħ għall-Kunsill Ġenerali straordinarju għax hu jemmen bis-sħiħ fid-demokrazija. Adrian Delia qal li rridu nħarsu ‘l quddiem mingħajr biża’ u b’kuraġġ, fejn inħarsu lejn il-Kunsill Ġenerali bħala opportunità li l-partit jiġġedded.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalsita qal li minn għada stess se jibda bi proċess wiesa’ ta’ konsultazzjoni u djalogu biex il-Partit Nazzjonalista jinfetaħ iżjed, ma jibqax partit tal-ftit imma jsir il-partit tan-nies. Adrian Delia qal li nieda riforma politika li se ġġedded lill-PN, u jżomm il-valuri u l-prinċipji demokristjani li jagħmluh. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li meta s-sena d-dieħla l-PN se jagħlaq 140 sena, hawn min għandu interess li jifred u li jkisser lill-partit iżda l-PN għandu l-qalb u r-ruħ.

Adrian Delia qal li l-missjoni tal-PN hija l-politika li ġġib it-tama biex inwarrbu darba għal dejjem il-firda u l-mibegħda. Adrian Delia qal li hu jinsab lest li jaħfer lil kull minn jattakkah iżda mhu se jaqta’ qalbu qatt u se jibqa’ jaħdem sal-aħħar għall-ġid tal-Partit Nazzjonalista.