Il-Kunsill Ġenerali Straordinarju infetaħ bid-diskors taċ-Chairman tal-Kummissjoni Elettorali Francis Zammit Dimech li fid-diskors tiegħu spjega l-proċess elettorali.
Zammit Dimech qal li fl-elezzjoni bikrija tal-Erbgħa vvutaw 500 kunsillier mill-1549 eliġibbli – li jfisser kważi terz ta’ dawk kollha eliġibbli. Hu spjega l-proċess ta’ rikonċiljazzjoni u għadd tal-voti biex għall-ħabta tat-8.00pm jkun magħruf ir-riżultat.
Matul il-laqgħa tal-Kunsill Ġenerali Straordinarju, għamlu d-diskorsi tagħhom Ivan Bartolo u Justin Schembri.
Ivan Bartolo stqarr li hu d-dmir ta’ dawk kollha fi ħdan il-Partit Nazzjonalista li janalizzaw in-numri kollha tal-elezzjonijiet kollha li saru fl-aħħar snin, u fl-interess tal-PN u tal-pajjiż tiġi deċiża l-aħjar triq il quddiem.
Hu qal li bħal ma diġa qal xhur ilu, jiġri x’jiġri issa, il-kap, ikun min ikun, jew jimxi kulħadd warajh jew inkella min ma jridx jagħmel hekk iwarrab.
Bartolo qal li l-Partit Laburista jrid iġib il-Partit Nazzjonalista fix-xejn u saħaq li l-Partit irid jaħdem flimkien biex dan ma jseħħx.
Fid-diskors tiegħu, Justin Schembri qal li hu kien hemm biex jiddefendi il-legat tad-demokrazija u s-saltna tad-dritt u biex jiddefendi l-arma – l-arma li b’umiltà irridu nifhmuu s-sinnifikat tagħha. Hu qal li ma nistgħux insalvaw id-demokrazija tal-pajjiż jekk ma nsalvawx id-demokarzija fi ħdan il-Partit Nazzjonalista.
Justin Schembri qal li kull min verament jemmen fid-demokarzija, għandu jagħżel l-għaqda u l-unità, għax il-PN mhux il-kunsilliera imma l-eluf ta’ tesserati li diġa għamlu għażla demokratika.
Il-Kunsill Generali fetaħ u għalaq b’diskors qasir tal-President tal-Kunsill Ġenerali Kristy Debono.
Intant ftit wara l-laqgħa tal-Kunsill, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia u l-kumplament tat-tmexxija tefgħu il-vot tagħhom f’din l-elezzjoni.
//= $special ?>