Is-Sibt filgħodu nħelsu numru ta’ klieb il-baħar fejn il-moll taċ-Ċirkewwa.
Preżenti biex jgħinu u anke jsegwu dan l-avventiment kien hemm diversi għawwiema u anke għaddasa li ħilsu l-klieb il-baħar minn kaxxi bl-ilma, fil-qiegħ tal-baħar jew madwar 20 metru ‘l isfel.
Din l-attività hi frott ta’ proġett immexxi minn Sharklab b’kollaborazzjoni mal-Akkwarju Nazzjonali ta’ Malta. Dan jinkludi t-trawwim tal-bajd ta’ klieb il-baħar miġbura minn dawk li jkunu ttieħdu fil-Pixkerija, sakemm jikbru biżżejjed biex ikunu jistgħu jinħelsu fl-abitat naturali tagħhom.
NET News tkellem ma’ Greg Nowell, ic-chairman u l-fundatur ta’ Sharklab illi spjega x-xogħol ta’ din l-organizzazzjoni.
Il-kurataur tal-Akkwarju Nazzjonali ta’ Malta, Daniel De Castro spjega wkoll l-irwol tal-akkwarju fil-kuntest ta’ dawn il-klieb il-baħar.
Membri tas-SharkLab spjegaw illi klieb il-baħar m’humiex ta’ periklu kbir u li meta wieħed jitgħallem u jeduka ruħu dwar il-bijoloġija ta’ dawn l-annimali, din il-biża’ tinbidel f’interess kbir u f’faxxinu.
Ta’ min isemmi illi jeżistu numru ta’ speċi differenti ta’ klieb il-baħar, fosthom dawk żgħar illi jissejħu ‘Cat shark’. Dawn spiss jisfaw vittma tas-sajd u ftit jafu li bosta minnhom jispiċċaw ukoll fil-platt tal-ikel tagħna.