Madwar nofs is-siġar li l-għaqda mhux governattiva The Grow 10 Trees Project ilha tħawwel sa mill-2017 se jinqerdu minħabba l-proġett ta’ Gvern Laburista msejjaħ Central link.
Dan il-proġett kien beda f’Novembru tal-2017 biex sa llum tħawwlu xejn inqas minn 1,038 siġra. Iżda minn dawn 549 jinsabu f’nofs iż-żona li se tittieħed mis-Central Link.
Ma’ dawn, dan il-proġett se jwassal ukoll għat-tneħħija ta’ 237 siġra oħra, għal total ta’ 786 siġra l itrid titneħħa minn dawn l-inħawi. Dan apparti massa ta’ art agrikola u verġni, għal total ta’ 49,000 metru kwadru, li minflok minn nofsha issa se jgħaddu t-toroq.
F’kummenti lit-Times of Malta, il-fundatur tal-proġett Adrian Gatt iddikjara li ħafna mis-siġar imħawwla se jmutu minkejja li l-Gvern qed jirriklama kemm jiflaħ li dawn sempliċiment se jiċċaqilqu minn post għall-ieħor.
Gatt qal li l-art meħuda mis-Central Link se tintilef għal dejjem u fakkar li mhux possibbli li wieħed iħawwel siġra fejn issa se jkun hemm il-konkrit.
Sadattant il-Gvern Laburista, taħt pressjoni qawwija kontra dan il-proġett, imbarka b’kampanja li ħafna qed jiddiskrivuha bħala waħda ta’ miżinformazzjoni mħallsa minn flus il-poplu stess.
Infrastructure Malta fl-aħħar jiem kienet impenjata b’post wara l-oħra fuq il-midja soċjali, imħallsa minn flus il-poplu, biex tirriklama l-proġett u tipprova ttaffi l-kritika.
Iżda taħt dawn il-posts, wieħed jista’ faċilment jinnota mijiet ta’ kummenti minn persuni li huma ġenwinament inkwetati u li kkritikaw lil din l-Aġenzija tal-Gvern li akkużawha li qed tipprova tqarraq jew tgħid biss dak li jaqblilha.
Dan waqt li l-istazzjon tal-Partit Laburist kien mehdi f’attakk wara l-ieħor kontra kull min ikkritika dan il-proġett, inkluż ċittadini privati, apparti kampanja sħiħa ta’ propoganda b’servizzi fl-aħbarijiet.
Sadattant il-grupp For Our Trees, li fuq il-midja soċjali qabeż l-10,000 membru, għaddej bl-aħħar tħejjijiet għall-protesta tal-Ħadd filgħodu.
Huma diversi dawk li msitennija jintrabtu mas-siġar li se jinqerdu, fi protesta simbolika u paċifika, waqt li oħrajn mistennija jiffurmaw katina umana fl-inħawi li se jinqerdu mill-proġett.
//= $special ?>