Lokali

188 passiġġier jitħallew l-art – l-ajruplan lejn Malta ma tfaċċax

Ritratt: Ambria Journal

188 passiġġier li kienu ġejjin għal vaganza, għal raġuni ta’ xogħol jew kienu se jirritornaw f’pajjiżna ilhom sa mill-bieraħ imwaħħla fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Perugia.

It-titjira FR8299 tar-Ryan Air kellha tħalli l-Italja s-Sibt għall-ħabta tal-16:05.

Madankollu l-passiġġieri, li kienu diġà għamlu ċ-check in, ġew avżati li l-ajruplan kien se jittardja. Eventwalment il-passiġġieri ntalbu jiġbru mill-ġdid il-bagalji tagħhom u ntbagħtu lura fis-sala prinċipali biex jistennew.

Imma l-ajruplan baqa’ qatt ma wasal sakemm finalment inkriet lukanda f’Perugia u dawk kollha preżenti ntbagħtu fiha.

Sigħat wara, numru ta’ vetturi ntbagħtu biex jiġbruhom u jeħduhom lura fl-ajruport iżda finalment ħadu l-aħbar li t-titjira kienet kanċellata mingħajr titjira alternattiva.

Waqt li l-ispejjeż relatati mat-titjira mistennija jingħataw lura, mhux l-istess jista’ jingħad għall-ispejjeż l-oħra li kienu ħallsu għal matul il-mawra f’Malta.

Federconsumatori, union Taljana li tirrappreżenta lill-vjaġġaturi, ħabbret li se tfittex għad-danni f’isem il-188 passiġġier.