Egan Bernal sar l-iżgħar ċiklist f’110 snin li rebaħ it-Tour de France wara li Caleb Ewan rebaħ l-aħħar stadju fi sprint tradizzjonali f’Pariġi. Bernal sar l-ewwel Kolombjan rebbieħ wara li kif inhi t-tradizzjoni fl-aħħar stadju min ikun l-ewwel ma jkunx sfidat. Hu qasam il-linja id f’id ma’ sħabu ta’ Team Ineos fosthom ir-rebbieħ tas-sena l-oħra Geraint Thomas li spiċċa t-tieni din id-darba.
Thomas kien il-mexxej tat-tim flimkien ma’ Bernal iżda l-preparazzjonijiet tiegħu tħarbtu wara li ħabat ħabat meta kien għaddej b’50 mil fis-siegħa fit-Tour de Suisse f’Ġunju. Hu kellu jabbanduna dik it-tellieqa u fit-Tour de France kellu tliet ħabtiet żgħar.
Geraint Thomas kien qabel Bernal għal ħafna mit-tellieqa iżda l-Kolombjan kien aktar b’saħħtu fl-aħħar ġimgħat fl-Alpi u temm rebbieħ b’minuta u 11-il sekonda, filwaqt li l-Olandiż Steven Kruijswijk spiċċa t-tielet 20 sekonda wara Thomas.

Ir-rebħa ta’ Bernal hi s-seba’ waħda fl-aħħar tmien snin għal tim Britanniku wara li Ineos ħadu t-tmexxija ta’ Team Sky aktar kmieni din iss-ena. Bradley Wiggins kien sar l-ewwel Britanniku rebbieħ tat-tellieqa fl-2012, b’Chris Froome jirbaħ fl-2013 qabel rebaħ fl-2015, l-2016 u l-2017, b’Geraint Thomas jirbaħ is-sena l-oħra.
Fuq in-naħa l-oħra, Bernal hu biss it-tielet Kolombjan li rebaħ wieħed mit-tliet Tours il-kbar. Nairo Quintana rebaħ il-Giro d’Italia fl-2014 u La Vuelta fl-2016 filwaqt li Luis Herera kien rebaħ La Vuelta fl-1987.
Bernal hu t-tielet l-iżgħar rebbieħ fl-istorja kollha tat-Tour de France. Il-Franċiż Henri Cornet kellu 19-il sena meta kien ingħata r-rebħa b’mod kontroversjali fl-1904 u Francois Faber tal-Lussemburgu kien ftit jiem iżgħar minn Bernal meta rebaħ it-titlu fl-1909.
Klassifika finali:1. Egan Bernal (82:57.00), 2. Geraint Thomas (+1.11), 3. Steven Kruijswijk (+1.31), 4. Emanuel Buchmann (+1.56), 5. Julian Alaphilippe (+3.45), 6. Mikel Landa (+4.23), 7. Rigoberto Uran (+5.15), 8. Nairo Quintana (+5.30), 9. Alejandro Valverde (+6.12), 10. Warren Barguil (+7.32)
Kif spiċċaw il-21 stadju:1. Caleb Ewan, 2. Dylan Groenewegen, 3. Niccolo Bonifazio, 4. Max Richeze, 5. Edvald Boasson, 6. Andre Griepel, 7. Matteo Trentin, 8. Jasper Stuyven, 9. Niklas Arndt, 10. Peter Sagan
//= $special ?>