Aktar minn 1000 ruħ attendew protesta kontra l-proġett Central Link illi riżultat tiegħu ser ikunu qed jinqerdu numru kbir ta’ siġar u art agrikola.
Mijiet ta’ nies inġabru tul din l-istess triq fejn ser ikunu qed jinqalgħu mal-550 siġra li fosthom hemm ukoll numru sostanzjali ta’ siġar protetti.
Ir-raġuni prinċipali wara l-protesta kienet biex jiġu salvati dawn il-550 siġra, iżda bosta ma waqfux hawn u tkellmu, anke ma’ NET News, dwar l-importanza tal-ħarsien tal-ambjent.
Fil-protesta, organizzata permezz ta’ Facebook page ‘For Our Trees’, numru ta’ nies intrabtu ma’ siġar. Apparti hekk, spikkaw ukoll it-tabelli illi n-nies għamlu minn jeddhom u li jesprimu l-iskuntentizza tagħhom għall-aġir fil-konfront tal-ambjent.
It-tabelli b’mod speċjali wasslu messaġġ fuq l-importanza tas-siġar fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. Fost oħrajn kif dawn jipprovdulna l-ossiġnu u appelli lill-awtoritajiet biex isalvaw is-siġar u l-art agrikola.
L-organizzaturi bdew ukoll kantaliena ta’ slogans li bdew jiġu mtennija mill-mijiet ta’ nies miġbura.
L-organizzaturi bdew jagħtu istruzzjonijiet lin-nies biex joqogħdu mal-ġenb tat-triq, kemm minħabba s-sigurtà kif ukoll għax ma ridux li joħolqu xi tip ta’ inkonvenjent lis-sewwieqa, iżda minflok jgħaddu messaġġ b’saħħtu ta’ għaqda favur il-ħarsien tal-ambjent.
Numru ta’ nies saħqu fuq l-importanza ta’ soluzzjoni aktar vijabbli fejn jingħataw inċentivi ta’ trasport alternattiv li jkun effiċjenti u sigur.
Lejn tmiem il-protesta, in-nies mifruxa mat-triq inġabru f’post wieħed u bdew ikantaw aktar slogans favur l-ambjent, u għal żmien qasir kellha tingħalaq it-triq.
Preżenti wkoll għall-protesta kien hemm ukoll deputati Nazzjonalisti, inkluż David Agius, il-Viċi Kap tal-PN, li huwa elett fil-Parlament mid-distrett li jinkludi lil Ħ’Attard, kif ukoll kunsilliera lokali ta’ Ħ’Attard.
//= $special ?>