Sport Sport Ieħor

Hannah Cutajar tirbaħ fil-kategorija sprint tal-grupp tal-età tagħha fil-Kampjonat Ewropew tat-Triathlon

(Ritratt: ETU Media)

Hannah Cutajar kisbet rebħa brillanti fil-Kampjonat Ewropew fil-kategorija sprint tal-grupp tal-età tagħha f’Kazan fir-Russja. Din kienet l-ewwel darba li triatleta Maltija mhux biss kisbet midalja tad-deheb fil-grupp tal-età tagħha iżda wkoll kisbet rebħa overall.

Dan l-unur ikompli jżid mar-riżultati pożittivi li kisbet hi sa issa fil-karriera tagħha. Fosthom, sena ilu kienet spiċċat fit-tieni post fil-Kampjonat Ewropew fil-kategorija tan-nisa bejn il-25 u d-29 sena f’Tartu l-Estonja f’distanza d-doppju ta’ din id-darba. Din it-tellieqa sprint kienet tinvolvi 750 metru għawma, 20 kilometru bir-rota u ġirja ta’ ħames kilometri, distanza li hi nofs id-distanza Olimpika.

Fl-ewwel kummenti tagħha wara t-tellieqa, Cutajar qalet li ma għandix kliem biex jiddeskrivu biżżejjed is-sodisfazzjoni tagħha. “L-ewwel rebħa Age Group kont ksibtha f’Alanya t-Turkija fl-2013. Kienet tellieqa speċjali ħafna u komplejt naħdem biex nikseb deheb minn dakinhar.”

Hi żiedet li l-kompetizzjoni kienet qawwija speċjalment mill-atleti Ingliżi u Russi iżda saħqet li dejjem tieħu pjaċir ittellaq f’dawn iċ-ċirkwiti. Hi faħħret ukoll il-bdil tajjeb li kien hemm hekk kif għall-ewwel darba l-Kamponati Ewropej kienu miżmuma b’format draft legal, li hu stil li jippermetti li atleta jkun aktar veloċi. Hi rringrazzjat lil Garmin Malta, Team Barry u l-Kumitat Olimpiku Malti tal-appoġġ u l-opportunità.

Cutajar kienet l-ewwel mara li ħarġet mill-għawma. Hi kellha kompetizzjoni qawwija mill-Ingliża Hayley Rigby li żammet postha warajha. Għall-parteċipanti kienet ta’ sfida l-irwiefen li kellhom fil-korsa bir-rota, b’Rigby tidħol ftit sekondi qabel Cutajar wara sforz fl-aħħar parti. B’hekk fit-tieni tranżizzjoni hi bdiet qabel Cutajar.

Iżda fil-ġirja, Hannah Cutajar irkuprat l-iżvantaġġ u qabżitha wara kilometru. Hi żammet postha fuq quddiem biex spiċċat it-tellieqa f’1:07.17. L-Ingliżi Holly Dixon u Hayley Rigby temmew fit-tieni u t-tielet post rispettivament, minuta u 14-il sekonda wara Cutajar.