Internazzjonali

Hong Kong: Jisfidaw mill-ġdid lill-pulizija fost il-konfronti ġodda

Għexieren ta’ eluf ta’ dimostranti ħarġu mill-ġdid fit-toroq ta’ Hong Kong fejn għalqu l-arterji prinċipali bħala sfida lill-pulizija li ma kenitx qed tippermetti dawn id-dimsostrazzjonijiet pubbliċi.

Id-dimostranti kellhom ilbies iswed waqt li ġarrew l-umbrelel, fost il-kant ta’ slogans kontra l-pulizija. Dan waqt li huma mmarċjaw kontinwament mid-distrett kummerċjali ta’ dan it-territorju li qed igawdi awtonomija parzjali miċ-Ċina.

L-aħħar rapporti rreferew għall-isparar tal-gass tad-dmugħ fuq id-dimostranti fost it-tensjoni.

Il-pulizija, qabel, kienu taw permess biex ir-rally isir f’Chater Garden, iżda, fl-istess ħin, wissew li kull dimostrazzjoni barra din iz-zona kellha titqies bħala azzjoni illegali.

Nhar is-Sibt, il-pulizija ukoll kienu sparaw il-gass tad-dmugħ u balal tal-gomma lejn il-folol, waqt dimostrazzjoni oħra favur id-demokrazija fl-inħawi ta’ Yuen Long, lejn it-Tramuntana.

L-aħħar tmien ġimgħat kienu karatterizzati mill-protesti kontra l-Gvern u favur id-demokrazija f’Hong Kong u fejn spikkaw il-konfronti vjolenti bejn id-dimostranti, il-pulizija u rġiel mgħammdin, armati bl-injam, li kienu suspettati bħala membri ta’ gruppi kriminali.

Numru sinifikanti ta’ nies li, fl-aħħar sigħat, marru quddiem l-uffiċini tal-Gvern Ċiniż għajjtu biex ‘jingħataw lura l-kontroll’ f’Hong Kong u favur ‘ir-rivoluzzjoni ta’ dawn iż-żmenijiet’ fit-territorju. Dan waqt li dimostranti oħrajn tellgħu numru ta’ barrikati fit-toroq.

Id-dimostrazzjonijiet ilhom għaddejjin mindu l-Gvern ta’ Hong Kong introduċa abbozz ta’ liġi li kellha tiffaċilita l-estradizzjoni ta’ residenti fit-territorju lejn iċ-Ċina.

L-abbozz iġġenera l-protesti qawwijia, bil-kritiċi jinkwetaw dwar ‘it-telf tal-libertà għal Hong Kong’ u ‘il-fatt li l-attivisti politiċi fit-territorju kellhom jispiċċaw vittimizzati’.

It-tensjoni f’Hong Kong intensifikat f’dawn il-jiem, waqt li l-pulizija spiċċat akkużata bl-użu ta’ forza eċċessiva man-nies li ħarġu jipprotestaw kontra l-abbozz kontroversjali.