Lokali Unjoni Ewropea

Il-bejgħ tal-passaporti miżjuda mal-attivitajiet b’riskju għoli ta’ ħasil tal-flus

L-iskema tal-bejgħ tal-passaport Malti ġiet meqjusa bħala attivita’ esposta għal riskju tal-ħasil tal-flus u finanzjament ta’ terroriżmu.

Dan kien konfermat permezz ta’ ċirkolari mill-Financial Intelligance Analysis Unit, l-FIAU, iktar kmieni din il-ġimgħa.

L-FIAU ħareġ din iċ-ċirkolari hekk kif nhar l-Erbgħa il-Kummissjoni Ewropea ippubblikat rapport dwar riskji u theddid lis-Suq Komuni li joħroġ kull sentejn. Dan ir-rapport, magħruf bħala Supranational Risk Assessment, identifika erba’ setturi ġodda li għandhom jgħaddu minn għarbiel u skrutinju iktar iebes minħabba r-riskji li dawn is-setturi iġibu magħhom f’dak li għandu x’jaqsam ma’ ħasil ta’ flus minn attivita’ kriminali jew finanzjar ta’ terroriżmu.

Wieħed minn dawn is-setturi hu propju l-iskemi ta’ bejgħ taċ-ċittadinanza. Bħalissa hemm tliet pajjiżi li għandhom dawn it-tip ta’ programmi; l-Ungerija, Ċipru, u Malta.

Fir-rapport, il-Kummissjoni Ewropea qalet li dawn it-tip ta’ skemi jesponu lill-iStat Membru, u b’konsegwenza ta’ dan, l-Unjoni Ewropea kollha, għal riskji ta’ sigurta’, ħasil ta’ flus, korruzzjoni u evażjoni tat-taxxa. (

Dan ir-rapport jibni fuq rapport ieħor tal-Kummissjoni Ewropea maħruġ f’Jannar ta’ din is-sena u li ffoka speċifikament dwar l-iskemi ta’ bejgħ ta’ ċittadinanza jew skemi ta’ residenza.

Dak ir-rapport ikkonkluda li dawn l-iskemi jesponu lill-iStati Membri u l-Unjoni Ewropea għal riskji marbuta ma’ sigurta’, korruzzjoni, evażjoni tat-taxxa u bħala mezz biex jevitaw regolamenti Ewropej.

Barraminhekk, ir-riskji ikomplu jiżdiedu minħabba nuqqasijiet serji ta’ trasparenza u governanza ta’ dawn l-iskemi fejn il-Kummissjoni irrapportat li l-informazzjoni ipprovduta mill-iStati Membri mhux kompluta.

Bħala eżempju il-Kummissjoni Ewropea semmiet li informazzjoni dwar kemm kien hemm applikazzjonijiet u kemm minnhom kienu aċċettati jew miċħuda hi nieqsa jew mhux kompluta.

Fil-fatt, il-Ħames Direttiva dwar il-Ħasil tal-Flus, li għandha tiġi trasposta fil-liġi nazzjonali tal-Istati Membri sa Jannar li ġej, iżżid l-iskemi ta’ bejgħ ta’ ċittadinanza bħala attivita’ ta’ riskju għoli u tpoġġi obbligu ta’ skrutinju iktar rigoruż fuq persuni minn pajjiżi terzi li japplikaw għal drittijiet ta’ ċittadinanza u residenza li jinxtraw permezz ta’ investimenti kapitali, xiri ta’ bonds jew propjeta’ fi Stat Membru.