Michael Gove, il-Ministru b’responsabbiltà għall-ippjanar ta’ no-deal Brexit, qal li l-Gvern Britanniku mmexxi mill-Prim Ministru Boris Johnson, qed jaħdem bir-realizzazzjoni li nuqqas ta’ ftehim finali mal-Unjoni Ewropea huwa prospett reali ferm fiċ-ċirkustanzi.
Gove sostna li Londra xorta waħda qed taħseb biex tilħaq ftehim dwar il-Brexit mal-UE, iżda, permezz ta’ artiklu fis-Sunday Times ta’ Londra, qal li ‘minkejja t-tamiet li l-mexxejja tal-Unjoni jilqgħu l-idea għal ftehim ġdid dwar il-Brexit, il-Gvern Britanniku għandu jaħdem fuq is-suppożizzjoni li dan mhux se jsir’.
Il-Prim Ministru Johnson inkariga lil Michael Gove biex imexxi l-laqgħat, kuljum, sakemm ‘il-Brexit ikun irrealizzat’.
Min-naħa tiegħu, Gove qal li mhumiex biżżejjed ‘xi riformi’ għall-ftehim dwar il-Brexit li kienu laħqu l-eks Prim Ministru Britanniku Theresa May u l-UE. Dan wara li l-Parlament f’Londra kien ċaħad tliet darbiet il-ftehim fil-forma preżenti. Michael Gove qal ukoll li ‘filwaqt li l-Britanniċi huma ottimisti dwar il-futur, jinsabu, fl-istess ħin, realistiċi dwar il-ħtieġa li jħejju għal kull eventwalità’.
Għal Michael Gove, l-akbar difett fil-pjan ta’ Theresa May hu l-pjan dwar il-backstop għat-tkomplija tal-moviment ħieles bejn il-fruntiera tal-Irlanda ta’ Fuq u r-Repubblika Irlandiża. Il-backstop, s’issa, serva bħala intopp prinċipali fin-negozjati dwar il-Brexit.
F’sitwazzjoni ta’ no-deal Brexit, ir-Renju Unit għandu joħroġ mill-UE filwaqt li (fin-nuqqas ta’ ftehim) jaqta l-irbit immedjatament mal-Unjoni. F’dan ix-xenarju, ir-Renju Unit għandu jsegwi r-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija għall-Kummerċ f’każ li jrid jinnegozja mal-UE u pajjiżi oħrajn, filwaqt li (anki) jipprova jinnegozja l-ftehim għall-kummerċ ħieles.
Iżda sitwazzjoni ta’ Renju Unit barra l-Unjoni kapaċi tirriżulta f’checkpoints għall-moniteraġġ tal-movimenti ta’ persuni u trasport ta’ prodotti ‘il hinn u lejn dan il-pajjiż. Il-moniteraġġ riġidu tal-movimenti kien ġie eskluż mill-Ftehim Storiku tal-Ġimgħa l-Kbira li, fl-1998, wassal għall-paċi fl-Irlanda ta’ Fuq.
//= $special ?>