Lokali

“Il-proġett Central Link hu biss proġett temporanju” – id-Direttur ta’ MEA

“Jekk issir is-Central Link, li hi biss soluzzjoni temporanja, mhi se ssolvi xejn hekk kif in-nies se jibqaw imwaħħlin fit-traffiku.”

Dan saħqu d-Direttur tal-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem (MEA), Joe Farrugia f’artiklu li kiteb f’The Sunday Times of Malta hekk kif pajjiżna qed jindifen f’ħafna problemi li qed jiġu kkawżati minn problema waħda – dik tat-traffiku.

Joe Farrugia qal li l-kultura Maltija għandha bżonn tinbidel biex wieħed ma’ jibqax marbut daqshekk mal-karozza personali tiegħu. Madanakollu, jidher li l-Gvern Laburista mhu qed jagħmel xejn biex jgħati lil Maltin alternattiva oħra iżda dak kollu li qed isir qed iwassal għal żieda ta’ karozzi fit-toroq.

Hu kompla jisħaq li “hemm bżonn soluzzjoni oħra hekk kif il-karozzi qed ibattlu l-bwiet tan-nies, iżda wkoll qed inaqqsu l-ispazju fit-toroq u jaħlu ħin iċ-ċittadini Maltin, filwaqt li ma’ dan kollu qed jiżdied it-tniġġis fl-arja u l-isorbju.”

Hu kompla jgħid li s-soluzzjoni tal-Ministru tat-Trasport u l-Infrastruttura, Ian Borg mhix waħda ideali iżda saħaq li hemm bżonn li jsir xi ħaġa biex it-traffiku jgħaddi minn taħt l-art minflok. Dan biex jitħalla iktar spazju għaċ-ċiklisti u t-trasport pubbliku, filwaqt li jkun hemm inqas ħsara fl-ambjent hekk kif ma jkunx hemm bżonn li jitwessaw it-toroq u jinqalgħu s-siġar.

Hu spiċċa l-messaġġ tiegħu billi talab lil Prim Ministru Joseph Muscat biex jisma’ lil dawk li mhumiex jaqblu mal-proġett tas-Central Link u wara kollox jipprova jsib soluzzjoni aħjar li tgħaqdi lir-residenti u l-ambjent innifsu … proġett li hemm mijiet ta’ persuni li huma kontrih.