Lokali

Ir-riżultat tal-Kunsill Ġenerali kien wieħed pożittiv għall-Partit Nazzjonalista kollu

“Ir-riżultat tal-votazzjoni tal-Kunsill Ġenerali ma kienx riżultat għal Adrian Delia iżda kien riżultat pożittiv għall-Partit Nazzjonalista kollu.”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt intervista fuq NET FM l-għada li ġie kkonfermat Kap tal-partit b’aktar minn żewġ terzi tal-voti.

Dr Delia rringrazzja lil dawk il-Kunsillieri kollha li taw il-kontribut tagħhom u pparteċipaw fil-votazzjoni u li urew kif il-Partit Nazzjonalista huwa partit ħaj. Dan meta pparteċipaw 92.2% mill-1,496 Kunsillier li kienu eleġibbli li jivvutaw. Huwa qal dawk li vvutaw IVA qed jgħidulu biex jaħdem iżjed u jwettaq ir-riformi li jeħtieġ fil-PN, fejn id-deċiżjonijiet jittieħdu lkoll flimkien, diffiċli kemm huma diffiċli. Dr Delia qal li mil-lum stess bdiet is-sejħa għar-riforma biex nagħmlu l-PN aktar rilevanti u attiv għall-bżonnijiet tas-soċjetà Maltija, fejn se jingħaqad tim dinamiku sabiex jaħdem id f’id ma’ Louis Galea f’din ir-riforma politika ħolistika. Dan billi niftħu l-bibien beraħ għal kull min irid jgħin fir-riforma tal-partit.

Adrian Delia qal li dawk li qalu LE ukoll għandhom messaġġ li qed iwasslu, li huma wkoll iridu partit b’saħħtu u kredibbli. Huwa stedinhom sabiex jagħtu sehemhom fil-PN u jipparteċipaw għaliex hemm spazju għal dawk kollha li għandhom rieda tajba biex inġeddu u nsaħħu l-partit. Adrian Delia qal li rridu narmu l-politika tal-mibegħda għaliex l-Maltin u l-Għawdxin ma jridux aktar il-politika tal-firda, filwaqt li enfasizza li l-PN immexxi minnu mhux se jkollu politika tal-mibegħda. Dan filwaqt li nkomplu nuru fejn isir il-ħażin u nkomplu naħdmu flimkien u b’determinazzjoni kontra l-korruzzjoni, għall-ġid tal-partit u tal-pajjiż.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li filwaqt li kulħadd għandu dritt għall-espressjoni, m’għandux ikun hemm attakki fuq il-mezzi soċjali u jieqfu l-attakki personali. Huwa qal li flimkien għandna nħarsu ‘l quddiem biex il-PN jkun Oppożizzjoni pożittiva li taħdem fl-aħjar interess tan-nies, sabiex fost l-oħrajn inkunu b’saħħitna fil-ħidma tagħna biex insalvaw l-ambjent u s-siġar, niġġieldu t-tibdil fil-klima u noħolqu ekonomija ċirkolari fejn l-ambjent ikun fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet, innaddfu l-arja mniġġsa u nsaħħu d-demokrazija quddiem Gvern li ma jridx soċjetà li jimpurtaha.