Internazzjonali

Ir-Russja: Dimostrazzjoni f’Moska mfissra bħala theddida għas-sigurtà

Is-Sindku ta’ Moska, Sergei Sobyanin, irrefera għad-dimostrazzjonijiet politiċi ta’ tmiem il-ġimgħa f’Moska bħala ‘theddida għas-sigurtà’ filwaqt li wiegħed li l-awtoritajiet se jagħmlu minn kollox neċessarju biex iżommu l-ordni pubblika. Dan wara li l-pulizija fil-kapitali Russa arrestaw ‘il fuq minn 1,000 persuna waqt rally – bl-azzjoni tkun ‘fost l-aktar intensiva’ għar-restawr tal-ordni għal ħafna snin.

Id-dimostranti, fosthom nisa, spiċċaw imkaxkrin minn quddiem il-bini muniċipali ta’ Moska waqt li l-qawwiet tas-sigurtà Russi sawwtu lin-nies qalb il-folol bil-lembubi.

F’din id-dimostrazzjoni anki spiċċaw arrestati xi kandidati li kienu projbiti milli jikkuntestaw l-elezzjonijiet lokali li se jsiru fit-8 ta’ Settembru.

In-nies, fi tmiem il-ġimgħa, ħarġu jipprotestaw kontra l-esklużjoni tal-kandidati tal-Oppożizzjoni minn dawn l-elezzjonijiet, bil-kelliema għall-Oppożizzjoni jinsistu li qed issir diskriminazzjoni speċifika kontra l-kandidati inkwistjoni għal raġunijiet politiċi.

L-aħħar rapporti qalu li saru talanqas 1,074 arrest waqt id-dimostrazzjoni projbita, iżda l-vera ċifra tista’ tkun ħafna ogħla.

Sadanittant, żdiedet ir-rabja fost is-sostenituri tal-Oppożizzjoni dwar kif il-belt ta’ Moska qed tkun amministrata. Mira partikulari għal din ir-rabja hu l-Partit għar-Russja Magħquda li jinsab fil-poter.

L-għadab popolari żdied ukoll wara li l-Kap tal-Oppożizzjoni, Alexei Navalny – li hu kritiku kbir tal-President tar-Russja Vladimir Putin – spiċċa kundannat għal 30 jum ħabs talli sejjaħ id-dimostrazzjoni ta’ tmiem il-ġimgħa mingħajr l-approvazzjoni tal-awtoritajiet.

Intant, ‘il fuq minn 20,000 Russu, fi tmiem il-ġimgħa, ħarġu fit-toroq biex jinsistu għal elezzjonijiet xierqa u ħielsa – u bir-riżultat li l-pulizija ma żammewx lura mill-arresti.

Fl-eqqel tat-tensjoni, il-pulizija għal kontra l-irvellijiet tefgħu lura l-folol minn qrib l-ostakoli li ttellgħu quddiem l-uffiċċju tas-Sindku f’Moska, bil-filmati juru diversi  dimostranti b’feriti u bid-demm ma’ wiċċhom u ġisimhom.

Mhux soltu li l-elezzjonjiiet lokali jattiraw daqshekk attenzjoni fir-Russja. Dan meta l-awtorità ta’ Moska ma tikkontrollax il-baġit tal-belt jew tagħżel l-uffiċjali ewlenin – bil-voti tas-snin ta’ qabel fil-kapitali jsiru mingħajr dimostrazzjonijiet jew xi inċidenti kbar.

Madankollu, din is-sena ħafna residenti f’Moska huma nfurjati dwar l-‘attentati sfaċċati’ biex il-politiċi indipendenti jkunu skwalifikati mill-elezzjonijiet. Għar-residenti,‘l-awtoritajiet ma kellhomx id-dritt li jiddikjaraw lill-kandidati bħala ineliġibbli’.