Futbol Sport

Jisfaxxa t-trasferiment ta’ Bale fiċ-Ċina

(Ritratt: EPA)

Il-possibbiltà li Gareth Bale jkompli l-karriera fiċ-Ċina sfaxxa wara li Real Madrid ikkanċellaw il-ftehim bil-winger jidher li mistenni jibqa’ mal-klabb. Bale li għandu 30 sena, kien mistenni jingħaqad mal-klabb Ċiniż Jiangsu Suning b’kuntratt ta’ tliet snin u b’salarju ta’ aktar minn €1 miljun fil-ġimgħa.

Il-ġimgħa l-oħra l-kowċ tal-Madrileni Zinedine Zidane qal li Bale kien viċin ħafna li jħalli l-klabb wara li r-relazzjoni bejn it-tnejn ma baqgħetx brillanti. Hu saħansitra sostna li t-tluq tiegħu tkun l-aħjar soluzzjoni għal kulħadd.

Bale tħalla barra mill-iskwadra ta’ Real Madrid għall-ewwel logħba fl-Istati Uniti f’telfa ta’ 3-1 kontra Bayern Munich. Il-plejer minn Wales daħal bħala sostitut fir-rebħa  bil-penalties fuq Arsenal fejn saħansitra skorja. Hu reġa’ beda fuq il-bank fit-telfa ta’ 7-3 kontra Atletico Madrid f’New Jersey u lagħab l-aħħar nofs siegħa.

Ir-ritorn ta’ Zidane fit-tmexxija tat-tim f’Marzu li għadda kienet deskritta mill-aġent ta’ Bale  bħala aħbar ħażina minħabba li l-Franċiż ma riedx jaħdem ma’ Bale wara nuqqas ta’ ftehim fuq l-istil ta’ logħob.

Gareth Bale ngħaqad ma’ Real Madrid mingħand Tottenham fl-2013 għal €100 miljun li kienet somma rekord dak iż-żmien. Hu fadallu tliet snin kuntratt mal-klabb li miegħu rebaħ erba’ darbiet iċ-Champions League, darba l-kampjonat u t-Tazza tar-Re kif ukoll tliet darbiet is-Super Cup Ewropea u t-Tazza tad-Dinja tal-klabbs.