It-tim nazzjonali Malti kien megħlub mill-Portugall bl-iskor ta’ 6-0 fl-ewwel logħba minn Grupp B tal-EuroHockey III li qed jintlagħab f’Ġibiltà. Malta qed tieħu sehem f’dan it-tournament biex tikseb l-esperjenza fix-xena internazzjonali hekk kif l-avversarji huma aktar kwotati.
Il-captain Luis Tavarez fetaħ l-iskor wara żewġ minuti minn penalty stroke, b’Miguel Rodrigues jirdoppja l-iskor fid-disa’ minuta. Fil-bidu tat-tieni taqsima, Rodrigo Castro għamilhom tlieta, b’Rodrigues jiskorja t-tieni gowl personali ftit qabel intemmet it-tielet taqsima ta’ kwarta. Fl-aħħar taqsima l-Portugiżi żiedu żewġ gowls oħra fit-52 u s-56 minuta permezz ta’ Jose Santos u Vasco Ribeiro, żewġ gowls li waslu minn azzjoni ta’ penalty korners.
It-tim Malti mmexxi mill-kowċ nazzjonali Andre Ghio beda b’din il-formazzjoni: Shamison Mifsud, Edward Hughes, Joseph Cuschieri, Steve Portelli, Juan Sarcia, Shaun Grima, Zack De Giovanni, Keith Calleja, Jonathan Borgm, Thomas De Giovanni u Keith Bajada.
F’kummenti wara l-logħba, il-captain tat-tim Malti Steve Portelli qal li din il-logħba kienet ir-realtà biex it-tim Malti jimpenja aktar ruħu għal aktar titjib. Hu qal li meta wieħed jikkunsidra d-differenza bejn it-timijiet, kellhom prestazzjoni sodisfaċenti.
Portelli jemmen li minn dawn il-logħbiet se jkomplu jitgħallmu u jibnu fuq il-prestazzjoni li kellhom għall-impenji li jmiss. Malta tilgħab it-tieni logħba għada fl-3.45pm kontra s-Slovakkja li ġejjin minn telfa ta’ 7-0 kontra l-Kroazja.
//= $special ?>